Il-Maltin jonfqu d-doppju tal-medja Ewropea fuq is-saħħa, minkejja li għandhom servizz ta’ kura tas-saħħa pubblika b’xejn. Jirriżulta li fl-2018 l-ispiża tal-Maltin fuq kura fi kliniċi privati ​​u fuq mediċini kienet tammonta għal 34.3% tan-nefqa kollha fuq is-saħħa fil-pajjiż. Dan ifisser li bħala proporzjon in-nefqa tal-Maltin hi r-raba’ l-ogħla fl-UE.

Din l-informazzjoni ħarġet mir-Rapport dwar l-Istat tas-Saħħa fl-UE maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea li għandu l-għan li janalizza is-servizzi tas-saħħa tal-Istati Membri inkluż l-effettività, l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza ta’ dawn is-sistemi.

In-nefqa tal-Maltin tmur l-aktar fuq servizzi mediċi bħal tobba, testijiet u kliniċi privati.

Dan huwa xprunat minn proporzjon sostanzjali tal-popolazzjoni li tagħżel li tixtri servizzi privati ​​ta’ kura speċjalizzata għal raġunijiet soċjokulturali – Maltin b’ċertu livell ta’ dħul u edukazzjoni tradizzjonalment fittxew kura privata. Madankollu, il-Maltin jidħlu f’dawn l-ispejjeż ukoll minħabba l-listi twal ta’ stennija fl-isptarijiet tal-Istat, filwaqt li l-istess servizz jista’ jingħata bla dewmien ta’ xejn fis-settur privat.

L-infiq tal-Maltin fuq il-mediċini u l-kura fit-tul kien għoli wkoll. Fl-2018, in-nefqa fuq is-saħħa bħala proporzjon tal-ispiża tal-familji Maltin kienet ta’ 5.5%, li hi madwar 80% ogħla mill-medja tal-UE ta’ 3.1%.

Pazjenti fl-isptarijiet tal-Gvern għandhom dritt għal mediċini b’xejn sa t-tlett ijiem wara li jkunu rilaxxati. Taħt l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, persuni b’ċerti kundizzjonijiet kroniċi huma intitolati għal mediċini b’xejn, filwaqt li persuni bi dħul baxx – kif stabbilit permezz ta’ test tal-mezzi – huma intitolati li jirċievu bla ħlas ċerti mediċini fuq il-formularju tal-Gvern. Fl-2019 l-Iskema kienet tkopri madwar terz tar-residenti Maltin. Madankollu, il-maġġoranza tal-popolazzjoni trid tħallas minn butha għal mediċini oħra, li jfisser li proporzjoni għolja tal-mediċini iridu jinxtraw.

Sejbiet ewlenin oħra:

  • Il-life expectancy f’Malta naqset b’0.3 snin fl-2020 bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu dan taħt it-tnaqqis medju ta’ 0.7 snin irreġistrat madwar l-UE. Sal-bidu tal-2021, it-testijiet u l-contact tracing flimkien ma’ miżuri oħra tas-saħħa pubblika wasslu biex Malta kellha rata aktar baxxa ta’ infezzjoni mill-medja tal-UE.
  • Ir-rati ta’ obeżità fost l-adulti u l-adolexxenti f’Malta huma l-ogħla fl-UE. Leġislazzjoni reċenti li tirregola r-reklamar u l-provvista tal-ikel fl-iskejjel, flimkien ma’ investiment biex tkun imħeġġa kultura ta’ attività fiżika, għandha l-għan li tgħin tindirizza din l-isfida kbira tas-saħħa pubblika.
  • Il-life expectancy f’Malta hija għolja, iżda għad hemm differenzi skont il-livell tad-dħul finanzjarju. Policies b’saħħithom jikkontribwixxu għal livelli baxxi ta’ mortalità, u l-imwiet minn kawżi li jistgħu jiġu kkurati naqsu sostanzjalment fl-aħħar snin bħala riżultat ta’ prestazzjoni aħjar tas-sistema tas-saħħa.