Il-Pilastru Soċjali għandu jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies li jaħdmu
Il-UĦM Voice of the Workers, flimkien maċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet tal-Ħaddiema (EZA) se tlaqqa’ seminar dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan bejn għada l-Ħamis 23 u l-Ġimgħa 24 ta’ Novembru 2017.
Matul dan is-seminar se jkun hemm numru ta’ interventi minn kelliema lokali u barranin li se jkunu qed jargumentaw kif dan il-Pilastru Ewropew, u l-inizjattivi li se joħorġu minnu, se jkun qed jinfilsa ruħu fis-soċjeta’ li qed ngħixu llum.
Il-Pilastru Ewropew, li ġie diskuss waqt summit li sar f’Gothenburg l-Iżvezja fis-17 ta’ Novembru, ikopri 20 prinċipju u drittijiet fosthom “Xogħol sikur u addattat”, “id-dritt għal pagi ġusti” u “id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħa u sigurta’ fil-post tax-xogħol”.
Din il-union qed tittama li dawn il-prinċipji u oħrajn ikunu tradotti minn kliem sabiħ għal liġijiet u regolamenti speċifiċi kif ukoll policies li jagħmlu differenza pożittiva lill-ħajjiet tan-nies li jaħdmu.
Qed ikun ittamat li l-Ewropa, sa fl-aħħar, tiċċaqlaq mill-awsterita’ għad-drittijiet soċjali u s-solidarjeta’. Jekk il-prinċipji fil-Pilastru Soċjali jkunu implimentati, in-nies li jaħdmu jkunu offruti tama ġdida sabiex iħossu l-benefiċċji tal-irkupru ekonomiku tal-Unjoni Ewropea bl-iskop li l-istituzzjoni reġjonali tieħu nifs ġdid.
Is-summit ta’ Gothenburg, l-ewwel laqgħa għolja soċjali tal-UE wara 20 sena, għandu jkun segwit b’imbottatura serja lejn l-implimentazzjoni, fosthom Pjan ta’ Azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u mill-istati membri fosthom Malta. Dan sabiex ikun hemm inizjattivi leġislattivi ġodda, policies, miżuri u azzjonijiet oħrajn sabiex jimplimentaw id-drittijiet li jinsabu fil-Pilastru Soċjali.
Jeħtieġ ukoll li jkun hemm opportunitajiet ġodda sabiex ikunu indirizzati sfidi komuni għas-swieq tax-xogħol u mudelli ta’ ħarsien soċjali għal-lum u għal għada.