Rapport riċenti tal-Eurostat qal li l-ħaddiema f’Malta jaqilgħu €14.20 fis-siegħa qabel it-taxxa li huwa inqas min-nofs il-medja fl-UE kollha. Barra minn hekk, rapport tal-KPMG kien sab li ż-żidiet fil-pagi matul l-aħħar sentejn ittieklu kollha mill-għoli tal-ħajja, li wasslet biex il-ħaddiema tnaqqritilhom is-saħħa tal-pagi li baqgħu staġnati fil-livell li kienu fl-2018.

Dawn l-indikaturi mhux qed jiġru x’imkien fl-astratt imma huma mera tar-realtà. Huma xhieda ulterjuri tal-mudell ekonomiku attwali bbażat primarjament fuq il-konsum u ċ-cheap  labour minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Filwaqt li dan il-mudell jista’ inizjalment jidher vantaġġjuż fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni u t-tisħiħ tal-industriji, iġorr miegħu konsegwenzi severi li jheddu l-stabbiltà u l-livell tal-għajxien kemm tal-ħaddiema lokali kif ukoll tal-ekonomija kollha kemm hi.

Fi żmien qasir dan il-mudell ekonomiku jidher li joffri soluzzjoni immedjata biex jiġu indirizzati ċerti nuqqasijiet ta’ ħaddiema u jonqsu l-ispejjeż. Madankollu, ir-riperkussjonijiet fit-tul ta’ din l-istrateġija huma koroh, b’mod partikolari għas-suq tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin. Billi jifqgħu is-suq tax-xogħol b’ħaddiema barranin li mhux imħallsin tajjeb, min iħaddem ikun qed joħloq pressjoni ’l isfel fuq il-pagi tal-kumplament tal-ħaddiema. Dan il-fenomenu, magħruf bħala d-dipressjoni tal-pagi, itellef is-saħħa  tal-pagi tal-ħaddiema l-oħra, ikabbar id-differenza fid-dħul, u joħnoq il-mobbilità ekonomika.

Wieħed mill-perikli l-aktar evidenti li jġib miegħu iċ-cheap labour huwa l-fatt li ħaddiema l-oħra jibdew jitwarrbu peress li min iħaddem jibda jsibha komda li jiffranka l-ispejjeż u jħaddem barranin biċ-cheap labour. Barra minn hekk, l-influss ta’ ċittadini ta ’pajjiżi terzi jista’ jwassal ukoll biex ikun hemm pressjoni esaġerata fuq ir-riżorsi pubbliċi u l-infrastruttura, iffullar għal servizzi essenzjali bħal sptarijiet u problemi ta’ housing.

Il-pagi baxxi spiss jissarrfu f ’kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, nuqqas ta’ sigurtà għall-posta tax-xogħol, u opportunitajiet limitati għall-iżvilupp tal-ħiliet. Konsegwentement, il-produttività tbati,  l-innovazzjoni ma tingħatax importanza, u titnaqqar il-kompetittività tal-ekonomija fis-suq globali.

Ir-riperkussjonijiet meta jkun hemm dipendenza fuq iċ-cheap labour imorru lil hinn mill-qasam ekonomiku għax hemm ukoll l-impatt fuq l-aspett soċjali. Jekk is-sitwazzjoni titħalla tiggrava jista’ jkun li twassal għal  dipendenza akbar fuq programmi ta’ għajnuna soċjali, żieda fil-kriminalità, u tnaqqis fil-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, l-isfruttament tal-ħaddiema barranin jista’ jirriżulta f’abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u diskriminazzjoni.

Il-Gvern għandu l-obbligu li jinforza liġijiet li jħarsu d-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema kollha, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom. Barra minn hekk, l-investiment fi programmi ta’ edukazzjoni, taħriġ u żvilupp tal-ħiliet huwa kruċjali biex jissaħħaħ is-suq tax-xogħol b’mod ġenerali u l-kompetittività. Barra minn hekk, it-trawwim ta’ kultura ta’ innovazzjoni, intraprenditorija, u tkabbir sostenibbli jista’ jgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq cheap labour u tiġi promossa l-prosperità fit-tul. Bidla fid-direzzjoni ekonomika lejn valur miżjud ma tistax isseħħ mil-lejl għan-nhar. Min-naħa l-oħra, jekk naqtgħu qalbna għax ikun hemm min jipprova jikkonvinċina li hu tard wisq biex isir xi ħaġa, ikun daqs li kieku għandna bomba tal-ħin u qed nitfgħuha f’ħoġor ħaddieħor.  Jekk verament nemmnu fil-futur ta’ dan il-pajjiż ma nistgħux nibqgħu passivi.