Hekk kif Malta din is-sena tfakkar 50 sena minn meta saret repubblika, ir-riforma  li kienet imwiegħda għaxar snin ilu għadha biss kliem fieragħ. Dawn kienu snin ta’ retorika u inizjattivi sporadiċi, iżda li matulhom ftit li xejn kien hemm azzjoni konkreta. Il-wegħda ta’ konvenzjoni kostituzzjonali li saret mill-gvern Laburista fl-2013, b’aspirazzjonijiet li naslu għat-Tieni Repubblika, għadha trid timmaterjalizza. Minflok, il-kwistjoni tidher li ġiet imwarrba u ftit li xejn tidher li għadha prijorità.

Fl-2018, kien ċertu momentum bit-twaqqif ta’ kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali, akkumpanjat minn konsultazzjoni pubblika ta’ tliet xhur. Madankollu, dawn l-isforzi naqsu xorta spiċċaw biex sfumaw fix-xejn. Fis-sitwazzjoni preżenti, il-mistoqsija loġika hi jekk din ir-riforma hux se ssir realtà jew le.

Sadanittant, avvenimenti li seħħ fl-aħħart snin enfasizzaw l-urġenza li jiġu indirizzati ċertu nuqqasijiet kostituzzjonali. Każijiet bħat-taqlib politiku tal-2019 u l-kriżi tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista esponew fil-beraħ il-limitazzjonijiet tal-Presidenza fi żminijiet ta’ kriżi. Dan wassal biex ħareġ fid-deher il-fatt ta’ kemm f’sitwazzjonijiet bħal dawn il-Presidenza hi limitata u tispiċċa spettatur f’mument fejn ikun meħtieġ li tintervjeni b’mod effettiv biex iġġib element ta’ stabbiltà.

Hekk kif issa għadna kemm bdejna mandat presidenzjali ieħor ta’ ħames snin, jeħtieġ li jkun iċċarat id-destin tar-riforma kostituzzjonali. Il-pjan għat-Tieni Repubblika ġie abbandunat, jew għadu vijabbli? Il-poplu Malti jixraqlu tweġibiet ċari u onesti u mhux iktar retorika politika. Aktar dewmien fuq din il-kwistjoni se jwassal biex jikber is-sens dejjem jikber ta’ aljenazzjoni mill- politika. Ir-rwol tal-kap tal-istat, li bħalissa għadu fil-biċċa l-kbira ċerimonjali, jeħtieġ evalwazzjoni mill-ġdid fid-dawl tal-isfidi kontemporanji. Malta ma tistax tibqa’ tipposponi aktar dan.

Wasal iż-żmien li t-tmexxija politika tinqata’ mill-wegħdiet fiergħa u tagħti prijorità lil din ir-riforma tal-kostituzzjoni. Il-futur tad-demokrazija Maltija jiddependi fuq dan kollu. Huwa biss permezz ta’ azzjoni deċiżiva li Malta tista’ tibda tfassal it-triq lejn repubblika aktar moderna, reżiljenti u inklużiva.