Il-prezzijiet tal-propjetà fil-Gżejjer Maltin qed imorru kontra x-xejra tal-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fejn il-prezzijiet stabbilizzaw ruħhom jekk mhux saħansitra bdew jonqsu.

Statistika ppubblikata mill-Eurostat turi li fl-aħħar tliet xhur tal-2023, il-prezzijiet tal-propjetà f’Malta għolew b’5.4% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2022. Iż-żieda kienet aktar mill-medja tal-UE, fejn il-prezzijiet tad-djar baqgħu prattikament l-istess b’żieda marġinali ta’ 0.2%. Barra minn hekk, din ix-xejra kienet konsistenti matul is-sena li għaddiet meta l-prezz medju tad-djar madwar l-UE kien qed jonqos b’mod kostanti sal-punt li f’xi xhur kien saħansitra f’territorju negattiv, li jfisser li l-prezzijiet naqsu.

Jekk wieħed iħares lejn l-istampa l-kbira jara li Malta kellha t-tmien l-ogħla żieda matul l-aħħar kwart tal-2023, bl-aktar żieda qawwija tiġi rreġistrata fil-Polonja fejn il-prezzijiet tad-djar għolew by13% segwita mill-Bulgarija b’10.1%, il-Kroazja 9.5% u l-Litwanja 9.3%. Min-naħa l-oħra, fil-Lussemburgu l-prezzijiet tad-djar irreġistraw tnaqqis spettakolari ta’ 14.4%, segwit mill-Ġermanja 7.1%, il-Fillandja 4.4%, Franza 3.6% u l-Iżvezja 2.9%.

L-istatistika tal-Eurostat tħares ukoll lejn il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet fuq skala iżgħar billi tqabbel il-bidliet mit-tielet sar-raba’ kwart tal-2023. F’dan il-każ il-prezzijiet tad-djar f’Malta għolew b’ 1.5% minkejja li l-medja tal-UE 27 kienet tnaqqis ta’ 0.3%. L-akbar żieda bejn it-tielet u r-raba’ kwart kienet fil-Polonja b’4.8% segwita mill-Kroazja 3.4%, l-Irlanda 3%, l-Iżlanda 2.5% u s-Slovenja 2.4%. Madankollu, f’madwar nofs l-Ewropa kien hemm bidla negattiva li tvarja minn 2.7% fi Franza għal 0.6% f ’Ċipru.

L-indiċi tal-prezzijiet tad-djar (HPI) ikejjel il-bidliet fil-prezzijiet tal-proprjetajiet residenzjali kollha mixtrija minn djar (appartament, vilel, terraced houses, eċċ.), kemm mibnija ġodda kif ukoll eżistenti, indipendentement mill-użu finali tagħhom u indipendentement mis-sidien preċedenti tagħhom.

B’mod ġenerali, filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta tista’ ġġib ċerti benefiċċji ekonomiċi, dawn joħolqu wkoll sfidi sinifikanti f’termini ta’ akkomodazzjoni affordabbli, żbilanċ fit-tqassim tal-ġid, koeżjoni soċjali, u żvilupp sostenibbli.