Il-Parlament se jiltaqa’ b’urġenza dwar l-invażjoni Russa tal-Ukrajna
Il-President tal-Parlament u l-mexxejja tal-gruppi adottaw id-dikjarazzjoni li ġejja dwar l-attakk militari tar-Russja fuq l-Ukrajna, u ħabbru sessjoni plenarja straordinarja għat-Tlieta.
Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew tlaqqgħet mill-President Roberta Metsola dalgħodu biex niddiskutu r-rispons tagħna għall-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.
Sar skambju ta’ fehmiet mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen.
Il-Konferenza tal-Presidenti kkundannat l-attakk Russu fuq l-Ukrajna bl-aktar mod qawwi possibbli. L-Ukrajna hija nazzjon indipendenti u sovran u l-integrità territorjali tagħha mhijiex negozjabbli. L-invażjoni mhijiex ġustifikata u hija illegali. Hija theddida għall-istabbiltà Ewropea u reġjonali, kif ukoll għall-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli. L-attakk għandu fil-mira l-mudell tagħna ta’ soċjetà demokratika. Ma tistax ma tingħatax risposta.
Aħna nibqgħu sodi fl-għaqda tagħna, fid-determinazzjoni tagħna u fir-rispons tagħna għal aggressjoni Russa mhux provokata. Il-Parlament Ewropew jappoġġa rispons Ewropew u internazzjonali mingħajr preċedent, inklużi sanzjonijiet ġodda u severi li jiżguraw li l-Kremlin jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu.
Il-Konferenza tal-Presidenti esprimiet solidarjetà u appoġġ sħaħ għall-Ukrajna u l-poplu tagħha.
Intlaħaq qbil li jiġi organizzat dibattitu plenarju straordinarju nhar it-Tlieta 1 ta’ Marzu 2022.