L-elezzjonijiet bikrija saru n-norma fis-sistema politika Maltija peress li l-ebda waħda mil-leġislaturi mill-1987 sal-lum ħadet il-kors kollu ta’ ħames snin. Din ix-xejra kompliet tittawwal mill-Prim Ministru Robert Abela li fl-20 ta’ Frar, xolja l-parlament u sejjaħ elezzjoni ġenerali għas-26 ta’ Marzu, li huwa tliet xhur qabel tmiem il-mandat kollu.

Analiżi li saret minn Voice of the Workers Weekly turi li l-aħħar darba li gvern serva l-mandat kollu tiegħu kien bejn l-1981 u l-1987.

Taħt il-Kostituzzjoni Maltija, jiġifieri l-artikoli 75 sa 77, leġiżlatura parlamentari sħiħa hi ta’ ħames snin. Madankollu, leġiżlatura tista’ ddum ħames xhur oħra, peress li l-Parlament jista’ jiltaqa’ sa xahrejn wara t-tħabbira uffiċjali tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, filwaqt li l-elezzjoni nnifisha tista’ ssir sa tliet xhur wara x-xoljiment tal-Kamra tad-Deputati. Min-naħa l-oħra, elezzjoni tista’ tissejjaħ fi kwalunkwe punt matul il-leġislatura fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru jew  jekk il-gvern jitlef il-maġġoranza parlamentari.

Storikament, l-ewwel darba li Malta marret tivvota qabel iż-żmien kien fl-1992, tliet xhur qabel ma jiskadi t-terminu sħiħ. Qabel dan, mill-1966 meta saret l-ewwel elezzjoni ġenerali taħt il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964, il-leġiżlaturi kollha ħadu l-mandat sħiħ tagħhom ta’ ħames snin.

Madankollu, mill-1992 il-Prim Ministri lagħbu bid-data tal-elezzjoni fit-tentatti li jkollhom l-ikbar ċans li jiksbu mandat ieħor. Madanakollu, dan it-tip ta’ strateġija xi drabi falliet, bħal fl-1996 meta l-Partit Nazzjonalista fil-gvern mar għall-elezzjoni erba’ xhur qabel iż-żmien u tilef.

Minn dakinhar, kien hemm xejra pjuttost irregolari, l-aktar bl-elezzjoni ġenerali tal-1998 li ssejħet wara li waqa’ l-gvern Laburista. Storikament, din hija l-iqsar leġiżlatura peress li damet biss 22 xahar. Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru kien hemm okkażjoni waħda li fiha leġiżlatura damet ħames snin u ħames xhur sħaħ – minn Diċembru 1981 sa Mejju 1987.

Xenarju simili għal dak tal-1998 seħħ fl-2012, għalkemm b’konsegwenzi inqas drammatiċi, meta l-gvern Nazzjonalista tilef vot importanti fuq il-Budget. Għalkemm dan wassal għal elezzjoni ġenerali, il-leġiżlatura kienet kważi spiċċat hekk kif il-maġġoranza parlamentari ntilfet tliet xhur biss qabel ma kellu jgħaddi t-terminu ta’ ħames snin. It-tieni l-iqsar leġiżlatura mill-Indipendenza ’l hawn kienet bejn l-2013 u l-2017, meta l-pajjiż mar jivvota kważi sena qabel iż-żmien.

Għalkemm taħt il-Kostituzzjoni Maltija l-Prim Ministru għandu l-awtorità li jxolji l-parlament qabel iż-żmien, il-fatt li fl-aħħar 35 sena l-ebda gvern ma dam il-ħames snin sħaħ huwa sinifikanti ħafna. Bla dubju kull Prim Ministru mar għall-elezzjoni f’dik id-data li l-iktar kienet taqbel għall-partit minkejja li uffiċjalment sostnew li deċiżjoni kienet iddettata mill-interessi nazzjonali. Madankollu,  l-evidenza tissuġġerixxi mod ieħor. Eżempju ċar hi li l-elezzjoni li jmiss, li se ssir ġimgħa qabel iż-żjara tal-Papa. Żgur li l-interess nazzjonali kien jiddetta żmien differenti kemm minn perspettiva loġistika kif ukoll dik politika. Wasal iż-żmien li jibdew jiġu kkunsidrati mudelli alternattivi ta’ elezzjoni ġenerali inklużi elezzjonijiet li jsiru f’dati fissi bħal dawk tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew.