Il-Parlament Ewropew lest li jibda negozjati ma’ stati membri dwar ħaddiema li jaħdmu barra
In-negozjati ma’ gvernijiet Ewropej dwar regolamenti riveduti għall-ħaddiema li jintbagħtu minn min iħaddimhom biex jagħtu servizz f’pajjiż ieħor tal-UE, jistgħu jibdew wara li l-Parlament Ewropew aċċetta li jsir dan.
Ir-riforma ta’ dawn ir-regolamenti għandha l-ħsieb sabiex tassigura ħarsien aħjar ta’ ħaddiema li jintbagħtu jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE u kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji. Il-bidliet prinċipali, meta mqabblin mad-Direttiva tal-1996, jinkludu l-ħlas ta’ dawn il-ħaddiema, iż-żmien li ħaddiem jagħmel jaħdem barra minn Malta, il-ftehim kollettivi u t-temporary agency workers.
“Issa li l-Kunsill jinsab lest sabiex jingħaqad mal-Parlament Ewropew fuq il-mejda tan-negozjati, aħna ħerqana li niffinalizzaw il-Posting of Workers Directive li tkun aġġornata u addattata. L-affarijiet mixjin fid-direzzjoni t-tajba, iżda wieħed irid jagħti daqqa t’għajn lejn id-dettalji tad-direttiva. Se nkunu qed nagħtu attenzjoni lill-kwistjoni tat-trasport fuq l-art, sabiex inkunu ċerti li r-reviżjoni toħloq l-aħjar bilanċ bejn il-liberta’ li jkunu provduti s-servizzi u l-ħarsien aħjar tal-ħaddiema,”qalu r-rapporteurs Elisabeth Morin-Chartier (EPP, FR) u Agnes Jongerius (S&D, NL).
Il-Passi li Jmiss
Il-Parlament u l-Kunsill mistennija jibdew it-taħditiet f’Novembru, bl-iskop li jkun hemm ftehim tal-ewwel qari.
Fatti ta’ malajr
Fl-2015, kien hemm 2.05 miljun ħaddiem li marru jaħdmu f’pajjiż ieħor fl-UE. Il-Polonja, il-Ġermanja u Franza huma l-aktar pajjiżi li minnhom jintbagħtu ħaddiema biex jaħdmu f’pajjiżi oħrajn, filwaqt li l-Ġermanja, Franza u l-Belġju huma l-aktar pajjiżi li laqgħu ħaddiema minn pajjiżi Ewropej oħrajn.
Ħaddiema fis-setturi ewlenin tal-kostruzzjoni, tal-manifattura, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u s-servizzi soċjali kif ukoll tas-servizzi kummerċjali huma l-aktar persuni li jintbagħtu minn min iħaddimhom f’pajjiżi Ewropej oħrajn.