Il-Paga Minima taħt il-lenti fil-konferenza annwali organizzata mill-UHM u l-EZA
Aktar minn 40 delegat minn madwar l-Ewropa ħadu sehem f’konferenza bit-tema il-Paga Minima – It-Triq ’il quddiem. L-attività li saret fl-Urban Valley Resort, f’San Ġwann bejn it-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru, kienet organizzata mill-UHM Voice of the Workers, bl-appoġġ tal-EZA (European Centre for Workers’ Questions).
Fl-indirizz ewlieni tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella irrimarka li n-negozjar kollettiv kien essenzjali biex tingħata għajnuna lill-ħaddiema bi dħul baxx filwaqt li wissa kontra miżuri sporadiċi jew soluzzjonijiet ta’ malajr. “Jekk nibdew eżerċizzju li bih il-pagi minimi jiżdiedu sporadikament mingħajr ebda pjan ħolistiku, in-negozjar kollettiv jibda jiġi imminat b’riżultat li s-suq tax-xogħol jitħarbat speċjalment ir-relattività tal-pagi. Miżuri maħsuba biex jagħtu żidiet mil-lejl għan-nhar lill-gruppi partikolari ta’ ħaddiema iwasslu biex fl-aħħar mill-aħħar dawk fuq il-paga minima jiżdiedu.”
Żied jgħid li l-mod li bih ikunu aġġustati l-pagi għandu jibqa’ dak li l-unjins jinnegozjaw f’isem il-membri peress li dan jiggarantixxi distribuzzjoni uniformi tal-ġid flimkien ma’ produttività aħjar, opportunitajiet biex javvanzaw fil-karriera u oħrajn biex jiżdiedu s-salarji permezz tat-taħriġ.
Id-Direttiva dwar il-Paga Minima Adekwata li għandha tidħol fis-seħħ sal-aħħar tas-sena d-dieħla wkoll kienet fuq l-aġenda. Taħt din id-direttiva irid ikun hemm xi tip ta’ mekkaniżmu biex ikun żgurat livell minimu ta’ dħul għalkemm il-kif, ikun fir-responsabbiltà tal-pajjiżi membri. Barra minn hekk, tappella lill-gvernijiet biex joħorġu bi pjan ta’ azzjoni biex iżidu l-għadd ta’ impjegati koperti minn negozjar kollettiv għal 80%. F’dan ir-rigward il-Kap Eżekuttiv tal-UHM saħaq li dan irid jissarraf f’miżuri biex tiżdied is-sħubija f’unjins. “Kull miżura oħra li tfittex li tilħaq din il-mira b’mod artifiċjali mingħajr ma jkollha impatt pożittiv dirett fuq is-sħubija fl-unjins tkun biss waħda li se tkun qed tgħatti x-xemx bl-għarbiel,” qal Vella.
Il-konferenza ta’ jumejn indirizzat ukoll kwistjonijiet relatati mac-cheap labour, il-ġlieda kontra l-inflazzjoni u kif jintuża n-negozjar kollettiv biex jiġi żgurat dħul adegwat. Il-kwistjoni tal-free-riders (min ma jkunx membru tal-unjin minkejja li jibbenefika minn negozjar kollettiv) kienet ukoll fuq l-aġenda flimkien mal-proposta tal-UHM għal sħubija obbligatorja għal ħaddiema bi dħul baxx.
Apparti preżentazzjonijiet, id-delegati kellhom ukoll l-opportunità li jieħdu sehem f’numru ta’ dibattiti dwar kwistjonijiet ewlenin fosthom il-futur tal-paga minima u miżuri għal għajxien diċenti. L-ekonomista Gordon Cordina ta l-perspettiva tiegħu dwar kif il-pagi minimi jistgħu jippromwovu l-ġustizzja u l-inklussività fis-suq tax-xogħol fil-kuntest tal-ftehim riċenti milħuq Low Wage Commission.
Id-delegati ġew ippreżentati wkoll b’diversi studji dwar iż-żieda fl-għoli tal-ħajja inkluża l-aħħar ċifri tal-monitoraġġ tal-prezzijiet tas-supermarkets li qed isir mill-UHM. Barra minn hekk kienu diskussi wkoll il-kunċetti ta’ living income u living wage bl-għajnuna tal-Caritas li ppreżentat l-istudji tagħha permezz ta’ Anthony Gatt u l-Professur Suzanne Piscopo.
Ir-riċerkatur tal-Eurofound Christine Aumayr-Pintar tat ħarsa ġenerali dettaljata tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-pagi minimi madwar l-istati membri tal-UE, filwaqt li l-Kap tar-Rappreżentanza tal-UE f’Malta Lorenzo Zahra spjega d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar il-Pagi Minimi Adekwati. Il-Viċi President tal-KESE, il-Prof. Philip Von Brockdorff għamel preżentazzjoni dwar il-perikli li jkun hemm ekonomija bbażata fuq xogħol irħis filwaqt li d-Direttur tal-UHM Mario Sacco tkellem dwar il-benefiċċji tan-negozjar kollettiv.
Fid-dibattiti ħadu sehem il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Clint Flores u David Agius, ix-Shadow Minister tal-Impjiegi Ivan Castillo, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Girxti, l-Inġ.Stephen Sammut mill-MCAST u l-Viċi President tas-CMTU William Portelli.
Sadanittant, l-UHM diġà qed tippjana għall-konferenza tal-2024 li se tiffoka fuq il-bini tal-kapaċità ta’ trade union moderna partikolarment it-tisħiħ tal-aspetti edukattivi u tad-diġitalizzazzjoni.