Il-paga minima f’Malta qed tistaġna
Dawk fuq il-paga minima f’Malta kellhom it-tielet l-inqas żieda fis-salarju fl-UE fl-2022, bil-Bulgarija u l-Latvja biss imorru agħar fejn il-paga minima kienet iffriżata. Madankollu, l-istampa mhix daqshekk negattiva meta wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni ġenerali fejn il-paga minima ta’ Malta tikklassifika fl-10 post fost il-21 stat membru li għandhom paga minima statutorja.
Dan it-tqabbil sar mill-Eurofound li ilha tanalizza l-varjazzjonijiet rispettivi mill-2010. L-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja u l-Isvezja mhumiex inklużi f’din iċ-ċifra peress li m’għandhomx paga minima statutorja.
Fl-2022, il-paga minima f’Malta żdiedet b’€1.75 fil-ġimgħa (COLA) li tissarraf f’żieda ta’ 1% u hija ekwivalenti għal 12-il salarju ugwali ta’ €792 fix-xahar. L-ammont hu ferm inqas meta mqabbel mal-Lussemburgu fejn iċ-ċifra rispettiva hija ta’ €2,257 li hija kważi tliet darbiet aktar. Min-naħa l-oħra, il-Bulgarija tinsab fl-aħħar tal-lista b’paga minima fix-xahar ta’ €332. Għalkemm Malta tinsab qabel il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, fl-aħħar snin dawn tal-aħħar naqqsu d-distakk b’mod konsiderevoli.
Din it-tendenza kienet sors ta’ tħassib f’Malta, fejn is-saħħa tal-infiq tal-ħaddiema qed titnaqqar. Barra minn hekk, iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja aggravat aktar dawn il-biżgħat, u wasslet lill-gvern biex jieħu miżuri ta’ darba bħal vawċers, ċekkijiet ta’ €100 u proposta għal mekkaniżmu ġdid biex jikkumpensa lill-familji bi dħul baxx għalkemm f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss. It-telf fis-saħħa tal-pagi qed tinħass ukoll aktar ’il fuq, speċjalment fil-klassi medja. Filwaqt li għal dawk li jaqilgħu paga minima l-COLA ta’ €1.75 tirrappreżenta żieda ta’ 1%, għal dawk li għandhom salarju ta’ €20,000 din tirrappreżenta biss żieda ta’ 0.5%. Meta mqabbla mar-rata tal-inflazzjoni – bl-aħħar ċifri għal Frar juru żieda annwali ta’ 4.22% li l-akbar kontributur tagħha kien l-ikel bi 8% meta mqabbla ma’ Frar tal-2021 – jidher ċar li ż-żidiet fil-pagi mhux qed ikunu biżżejjed.
Dan it-tkabbir kajman fil-pagi jidher ċar meta titqabbel is-sitwazzjoni attwali ma’ dik tal-2010. Matul dan il-perijodu ta’ 12-il sena l-paga minima f’Malta żdiedet minn €660 fil-ġimgħa għal €792 jew 20%. Madankollu, f’pajjiżi bħall-Bulgarija ż-żieda kienet ferm aktar qawwija minn €123 għal €332 fil-ġimgħa. Xejriet simili ġew osservati fil-Latvja, ir-Rumanija, l-Ungerija, il-Kroazja, is-Slovakkja, l-Estonja, il-Polonja u l-Litwanja. Il-Greċja kienet l-unika eċċezzjoni fejn il-paga minima naqset, iżda dan kien minħabba l-miżuri aggressivi ta’ awsterità wara l-kriżi finanzjarja tal-2015.
Minbarra l-COLA li tingħata lill-impjegati b’mod ġenerali irrispettivament mid-dħul tagħhom, l-uniku aġġustament fil-paga minima f’Malta sar fl-2017. Madankollu, il-ħaddiema jibbenefikaw biss minn dan il-ftehim wara sena fl-impjieg. Analiżi ulterjuri tal-istatistika tal-Eurofound turi li sakemm ma jittieħdux deċiżjonijiet kbar biex il-paga minima ta’ Malta tiġi rranġata, din mistennija tinżel aktar ’l isfel fil-lista peress li fi stati membri oħra ż-żieda annwali hija ferm ogħla inkluż f’pajjiżi li diġà huma ferm quddiemna. Fil-fatt fi Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-Belġju l-paga minima żdiedet bi 3% din is-sena li jfisser madwar €50 fix-xahar.