Minkejja żieda annwali sinifikanti ta’ 10.8% fl-2024, il-paga minima f’Malta baqgħet mwaħħla fit-12-il post fil-klassifika tal-UE li tinkludi 22 pajjiż. L-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja u l-Isvezja mhumiex inklużi peress li m’għandhox il-paga minima statutorja.

F’eżerċizzju komparattiv li sar mill-Eurofound jirriżulta li mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-paga minima f’Malta telgħet minn €835 għal €925 fix-xahar. Din ir-reviżjoni ‘l fuq kienet tinkludi l-COLA ta’ €12.81 kif ukoll iż-żieda deċiża mil-Low Wage Commission.

Madankollu, meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE, iż-żieda ta’ 10.8% f’Malta ma kinitx xi waħda spettakolari, fid-dawl tal-fatt li fil-Polonja l-paga minima żdiedet b’21.5%, fil-Kroazja 20%, il-Bulgarija 19.6%, l-Ungerija 15%, l-Estonja. 13.1%, il-Latvja 12.9% u l-Irlanda 12.4%.

L-inqas żidiet kienu fil-Belġju (2%), Franza u l-Ġermanja (3.4%), is-Slovenja (4.2%) u Spanja (5%). Madankollu, dawn il-pajjiżi għandhom paga minima ferm ogħla meta mqabbla ma’ Malta, bħall-Ġermanja (€2,049) u l-Belġju (€1,994). Il-Lussemburgu li fl-2023 kellu l-ogħla paga minima b’€2,387 fix-xahar kellu żieda annwali ta’ 7.7% sa €2,571 fix-xahar – kważi tliet darbiet daqs il-paga minima ta’ Malta.

Il-klassifika tal-Eurofound tinkludi wkoll ir-rata tal-inflazzjoni biex tagħti l-kuntest. F’dan ir-rigward Malta klassifikat fin-nofs b’rata ta’ 3.7% li kienet kważi nofs ir-rata rispettiva fiċ-Ċekja ta’ 7.6% iżda ferm ogħla mill-Belġju li kellu l-inqas inflazzjoni b’rata ta’ 0.5%. Biex niftehmu aktar ma tkun għolja r-rata ta’ inflazzjoni, iktar tkun dgħajfa s-saħħa tal-pagi.

L-istatistika tagħti wkoll ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni fuq medda twila ta’ żmien mill-2010 ’il quddiem. Matul dawn l-14-il sena Malta baqgħet fit-12-il post iżda d-distakk mal-pajjiżi fil-qiegħ naqas b’mod sinifikanti. Fl-2010 il-paga minima ta’ Malta kienet ta’ €660 fix-xahar, li kienet aktar minn ħames darbiet dik tal-Bulgarija li kienet ta’ €123. Madankollu, id-distakk naqas bin-nofs bil-valur rispettiv f’Malta jitla’ għal €925 filwaqt li dak fil-Bulgarija aktar milli ittriplika hekk kif issa huwa €477. Barra minn hekk, pajjiżi bħar-Rumanija mxew ’il quddiem b’rata aktar mgħaġġla bil-paga minima tagħhom tiżdied minn €142 fl-2010 għal €663 fl-2024.

Il-UHM Voice of the Workers filwaqt li taqbel maż-żieda fil-paga minima, tinsisti li l-aħjar mod li dan isir hu permezz tan-negozjat kollettiv. Dan għaliex b’dan il-mod ikun hemm sistema ġusta ta’ kif jiżdiedu l-pagi u fl-istess ħin titħares ir-relattività tal-iskali tal-ħaddiema l-oħra. Min naħa l-oħra jekk il-paga minima tiżdied b’mod arbitrarju minn żmien għal żmien hemm riskju li jitkisser il-prinċipju ta’ negozjar kollettiv.