Il-My ĠEMMA Latte Tracker
Niżżel il-My ĠEMMA Latte calculator billi tagħfas hawn
Il-fattur Latte inħoloq minn ċertu David Bach li ħareġ l-idea sempliċi li spejjeż trivjali li nonfqu kuljum jammontaw għal somma kbira fuq perjodu ta’ sena. Ħafna minna ma nindunawx li €1 jew €2 li nonfqu kuljum fuq ħobż jew kafè, partikularment jekk nużaw il-muniti li jkollna jiġru fil-kartiera, jitilgħu għal somma mhux ħażin fuq 12-il xahar. Pereżempju: kafè kuljum qabel ix-xogħol, ngħidu aħna, €1, matul is-sena jiswik madwar €220.
Dan huwa dak li jfisser il-fattur ‘Latte’: flus li tista’ tuża b’mod aktar produttiv jew għaqli. Dan il-kalkulatur jippermettilek tidentifika l-ispiża għax-xiri tal-ikla ta’ nofsinhar u l-kafè meta mqabbla mal-preparazzjoni tal-ikla tiegħek id-dar jew pereżempju, li toħroġ il-flus mal-kollegi tiegħek fuq ix-xogħol fuq magna tal-kafè. Hekk kif ikollok stampa tan-nefqa tiegħek ta’ kuljum tifhem ċar kif ammonti żgħar ta’ flus jitilgħu malajr ħafna u jagħmlu ħsara fil-finanzi tiegħek.
L-iskop tal-Latte Tracker huwa li jgħinek tifhem kif bidla żgħira fl-imġieba tiegħek ta’ kuljum – tipprepara l-ikla tax-xogħol tiegħek id-dar minflok tixtriha – tħallik bi dħul akbar u għalhekk tilħaq il-miri finanzjarji tiegħek.