Abbozz ta’ rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva jistabbilixxi firxa ta’ miżuri biex jiġu indirizzati l-problemi marbuta maċ-ċittadinanza u r-residenza permezz ta’ skemi ta’ investiment”. Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern approva l-abbozz ta’ test b’61 vot favur, 3 kontra u 5 astensjonijiet.


Projbizzjoni ta’ bejgħ tal-passaporti

Il-MPE jenfasizzaw li l-iskemi ta’ “ċittadinanza b’investiment” (CBI), li taħthom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiksbu drittijiet ta’ nazzjonalità bi skambju għal investiment, huma “oġġezzjonabbli mil-lat etiku, legali u ekonomiku, u jippreżentaw diversi riskji serji għas-sigurtà”. L-hekk imsejħa “passaporti tad-deheb” (bejgħ tal-passaporti) jimminaw l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE u għandhom jitneħħew gradwalment, huma jinsistu.

Il-MPE jiddeploraw in-nuqqas ta’ proċeduri komprensivi ta’ skrutinju u li s-sistema attwali tippermetti applikazzjonijiet suċċessivi fi Stati Membri differenti, billi jiddependu fuq kontrolli mwettqa minn atturi mhux statali.


Regoli għal golden visas

Filwaqt li jinnota d-differenza fil-gravità tar-riskji maħluqa mill-iskemi ta’ “residenza mill-investiment” — li jagħtu drittijiet ta’ residenza lill-barranin bi skambju għal kontribuzzjoni finanzjarja – l-abbozz ta’ rapport jitlob għal regoli komuni tal-UE biex jiġu armonizzati l-istandards u jissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa. Il-MPE jitolbu:

  • background checks profondi (inkluż fuq membri tal-familja u fuq sorsi ta’ fondi), kontrolli obbligatorji mas-sistemi tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-UE, u proċeduri ta’ skrutinju f’pajjiżi terzi;
  • obbligi ta’ rappurtar għall-Istati Membri, u
  • rekwiżiti għar-residenza fiżika minima (għall-applikanti) u l-involviment attiv, il-kwalità, il-valur miżjud, u l-kontribuzzjoni għall-ekonomija (għall-investimenti tagħhom).
  • Il-MPE jipprevedu wkoll skema ta’ “notifika u konsultazzjoni” biex Stati Membri oħra jkunu jistgħu joġġezzjonaw għall-għoti ta’ ‘viża tad-deheb’.


Twissija dwar ir-rwol tal-intermedjarji

Ir-rapport jenfasizza li l-intermedjarji għal dawn l-iskemi la huma trasparenti u lanqas miżmuma responsabbli, u jappella għal projbizzjoni fuq l-involviment tagħhom u regolament stretti. Il-MPE jixtiequ jwaqqfu l-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni li jużaw is-simboli tal-UE jew jindikaw il-benefiċċji taċ-ċittadinanza tal-UE, u jitolbu qafas ta’ sanzjonijiet.

It-test jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel pressjoni fuq pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-UE biex jabolixxu l-bejgħ tal-passaporti tagħhom u jirriformaw l-iskemi tal-RBI tagħhom.


Il-passi li jmiss

Il-MPE se jiddibattu u jivvutaw dwar ir-rapport fis-sessjoni plenarja li jmiss (7–10 ta’ Marzu). Jekk jiġi approvat mill-plenarja, il-Kummissjoni se jkollha bżonn tħejji proposta leġiżlattiva jew tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma tagħmilx dan.

Sfond

Mill-inqas 130,000 persuna ħadu vantaġġ mill-iskemi tas-CBI u l-RBI fl-UE bejn l-2011 u l-2019, li ġġeneraw aktar minn €21.8 biljun fi dħul għall-pajjiżi kkonċernati. Tliet Stati Membri għandhom skemi ta’ CBI: Il-Bulgarija (fejn il-gvern ressaq abbozz ta’ liġi biex itemm l-iskema), Ċipru (bħalissa jipproċessa biss applikazzjonijiet sottomessi qabel Novembru 2020) u Malta. Tnax-il Stat Membru għandhom skemi ta’ RBI, kollha b’ammonti u skemi diverġenti ta’ investiment, kif ukoll standards għall-kontrolli u l-proċeduri.