Il-MPE jitolbu projbizzjoni tal-bejgħ tal-passaporti
Il-MPE adottaw rapport fuq inizjattiva leġiżlattiva li jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta sa tmiem il-mandat tagħha. L-impenn tal-Kummissjoni, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Kanada, u l-Istati Uniti biex jillimitaw l-aċċess għal “programmi taċ-ċittadinanza” għal Russi sinjuri b’rabtiet mal-gvern tqajjem matul id-dibattitu fil-plenarja tat-Tnejn. It-test għadda b’595 vot favur, 12 kontra u 74 astensjonijiet.
Projbizzjoni tal-bejgħ tal-passaporti
Il-Parlament jisħaq li l-iskemi ta’ “ċittadinanza b’investiment” (CBI), li bihom ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiksbu drittijiet ta’ ċittadinanza bi skambju għal somma flus, jdgħajfu l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE. Il-Parlament jiddeskrivi l-prattika – fis-seħħ f’Malta, fil-Bulgarija u f’Ċipru – bħala “parassitiżmu”, hekk kif l-Istati Membri jbigħu dak li qatt ma kien maħsub li jsir komodità. Ġew aċċettati applikazzjonijiet anke meta ma ġewx issodisfati r-rekwiżiti, jgħidu l-MPE, u talbu li dawn l-iskemi jitneħħew gradwalment minħabba r-riskji li jikkawżaw.
… u regolamentazzjoni tal-golden visas
Filwaqt li jinnota r-riskji inqas severi li jirriżultaw mill-iskemi ta’ “residenza b’investiment” (RBI), il-Parlament jitlob li r-regoli tal-UE jgħinu biex jiġu indirizzati l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa, inklużi:
- verifiki stretti tal-preċedenti personali (anke fuq il-membri tal-familja tal-applikanti u fuq is-sorsi tal-fondi), verifiki obbligatorji ma’ bażijiet ta’ data tal-UE, u proċeduri ta’ skrutinju f’pajjiżi terzi;
- obbligi ta’ rapportar għall-Istati Membri, inkluża skema ta’ “notifika u konsultazzjoni” biex Stati Membri oħra jkunu jistgħu joġġezzjonaw; u
- rekwiżiti għal residenza fiżika minima (għall-applikanti) u involviment attiv, kwalità, valur miżjud, u kontribut għall-ekonomija (għall-investimenti tagħhom).
Sistema frammentata u r-rwol tal-intermedjarji
Il-MPE jiddeploraw in-nuqqas ta’ verifiki komprensivi ta’ sigurtà u proċeduri ta’ skrutinju fiż-żewġ tipi ta’ skemi, filwaqt li jżidu li ma għandux ikun possibbli li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet suċċessivi fi Stati Membri differenti. L-Istati Membri m’għandhomx jiddependu fuq verifiki mwettqa minn atturi mhux statali. Il-Parlament jitlob imposta tal-UE b’perċentwal sinifikanti fuq l-investimenti li jkunu saru – sakemm il-“programmi taċ-ċittadinanza” jitneħħew gradwalment, u permanentement għal golden visas. Jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel pressjoni fuq pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-UE biex jagħmlu l-istess.
Filwaqt li jinnota li l-intermedjarji f’dawn l-iskemi la huma trasparenti u lanqas jinżammu responsabbli, il-Parlament jitlob projbizzjoni fuq l-involviment tagħhom f’dan l-iskemi u “regolamentazzjoni stretta u l torbot” li għandhom jinkludu sanzjonijiet.
Il-Kummissjoni trid tħejji proposta leġiżlattiva jew tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha biex ma tagħmilx dan.