F’rapport adottat b’534 vot favur, 53 kontra, u 25 astensjoni, il-Parlament Ewropew approva li l-Kroazja ssir membru taz-zona Schengen. Fid-9 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill ikkonferma li l-Kroazja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli ta’ Schengen. Issa, il-MPE jħeġġu lill-Kunsill ikompli bil-proċess u jadotta deċiżjoni finali biex jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri.

Id-drittijiet fundamentali għandhom jiġu rispettati

Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-UE jiġu rispettati, il-MPE jħeġġu lill-Kroazja tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill dwar kif se timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, u partikolarment il-mekkaniżmu indipendenti biex jimmonitorja l-azzjonijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija. Wara rapporti ta’ pushbacks fil-fruntieri tal-Kroazja, il-MPE jridu li l-Kummissjoni tivvaluta l-aspetti tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tad-drittijiet fundamentali tal-Kroazja (inkluż permezz ta’ żjarat fil-post) bħala parti mill-programm ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen.

Sfond

Il-Parlament Ewropew ilu jirrakkomanda t-tkabbir taz-zona ta’ vjaġġar ħieles ta’ Schengen, li llum tinkludi 26 stat (l-istati membri kollha tal-UE ħlief il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, l-Irlanda u r-Rumanija, flimkien ma’ membri mhux tal-UE in-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein). Fl-2018, il-MPE iddikjaraw li l-Kroazja għandha tiddaħħal fi Schengen hekk kif tissodisfa l-kriterji meħtieġa. Fit-18 ta’ Ottubru 2022, esprimew ukoll l-appoġġ tagħhom għall-ammissjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija fix- Schengen mingħajr dewmien.

Id-deċiżjoni finali li jitneħħew il-kontrolli interni għandha tittieħed mill-Kunsill tal-UE, li jaġixxi unanimament.