Il-Milied it-tajjeb, gawdi l-vaganzi
Il-proposta li titneħħa l-kelma Milied biex min ma jemminx f’Alla u fil-Messija ma jħossux offiż hija bla dubju l-agħar inizjattiva li qatt ippreżenta Kummissarju Malti. Helena Dalli saħansitra ssuġġeriet li tevita li tuża ismijiet Kristjani bħal Ġużeppi u Marija. Dan kollu suppost sar f’isem l-ugwaljanza. Wieħed jista’ jargumenta li l-proposta ġiet imwarrba imma ma ninsewx li l-U-turn ma saritx sforz rimors ġenwin, iżda riżultat tal-kontroversja u l-għadab li kien hemm. Fi kliem ieħor, kieku l-proposta ma ħarġitx fil-medial-istorja setgħet kienet differenti.
L-idea hi assurda għal diversi raġunijiet. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ kull tip ta’ ġrajja reliġjuża mhux offensiva sakemm ma tolqot l-ebda dritt ieħor. Jidher ċar li l-għotja tal-awguri tal-Milied it-tajjeb ma toħloq l-ebda theddida. Jekk, madankollu, għas-saħħa tal-argument tiġi applikata din il-policy, anki l-Kummissarju stess ikollha problema peress li hija msemmija għal Sant’Elena – Imperatriċi u omm Kostantinu l-Kbir li tikklassifika bħala figura importanti fl-istorja tal-Kristjaneżmu!
Huwa ċar li l-Kummissarju Dalli naqset milli tagħmel id-distinzjoni bejn ugwaljanza u uniformità. Kulħadd għandu d-dritt jesprimi ruħu inkluż it-twemmin reliġjuż u kulturali. Iżda dak li kienet qed tipproponi kien li teskludi jekk mhux tiddiskrimina billi telimina l-Milied mill-vokabularju tal-Unjoni Ewropea. Dak li hu tassew offensiv, hi l-proposta li l-kelma Milied tiġi sostitwita bil-kelma vaganza – l-istess kif kien isir f’pajjiżi Komunisti u l-Ġermanja Nażista. Ikun tajjeb li l-moħħ wara din il-proposta jispjega kif it-tifkira ta’ meta Gużeppi u Marija kienu ppersegwitati minn Erodi u Marija kellha twelled f’maxtura tista’ titqies bħala xi vaganza. Bl-istess mod, li l-passjoni ta’ Kristu titqies bħala vaganza hi xi ħaġa ta’ stmerrija u kundannabbli.
Sfortunatament, fi żmien meta r-reputazzjoni ta’ Malta tinsab imfarrka, din il-kontroversja serviet biss biex terġa’ tpoġġina taħt il-lenti għal raġunijiet ħżiena. Il-kontroversja turi wkoll kif f’Malta kollox jgħaddi imma fi Brussell meta tagħmel qassata hi storja kompletament differenti. Politico Europe, ikkwota uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea li xtaq jibqa’ anonimu, li ma tantx qgħad jomodha. “Il-Kummissarju Dalli tpatti għan-nuqqas totali ta’ influwenza li għandha fil-Kulleġġ [tal-Kummissarji] billi toħroġ ‘linji gwida inklużivi’ li jneħħu r-regoli l-aktar elementari,” dan l-uffiċjal qal. “Qed niġġennu. Ma’ Dalli, qed nesperjenzaw surrealiżmu,” hu kompla.
Intant, din il-kontroversja pprovdiet art fertili għall-ewroxettiċi u estremisti li l-għan aħħari tagħhom huwa l-frammentazzjoni tal-UE nnifisha. Dawn huma t-tip ta’ biżgħat li l-Labour kien jipprova jnissel fl-elettorat qabel is-sħubija fl-UE. Ironikament, dan kollu issa kien propost minn dik li sa ftit ilu kienet esponenta ewlenija tal-partit.