Il-MEUSAC qed ittella’ serje ta’ konsultazzjonijiet dwar il-Futur tal-Ewropa
Il-Konsultazzjonijiet taċ-Ċittadini tal-UE huma inizjattiva tas-27 stat membru tal-UE u huma mmirati sabiex iressqu flimkien liċ-ċittadini minn kull qasam tal-ħajja sabiex jiddiskutu suġġetti importanti li għandhom x’jaqsmu mal-futur tal-Unjoni Ewropea. Il-konsultazzjonijiet jipprovdu opportunita’ għaċ-ċittadini biex jieħdu sehem f’eżerċizzju ta’ demokrazija parteċipattiva fl-għamla tal-pożizzjoni tal-UE dwar diversi suġġetti.
Il-Qafas Konġunt, addottat mis-27 stat membru tal-UE, juri li l-konsultazzjonijiet huma intenzjonati sabiex ikunu mezz tanġibbli ħalli jkunu identifikati t-tħassib, l-ideat u l-prijoritajiet politiċi għal azzjoni – b’karattru konsultattiv, imma mhux bħala mandat għal leġislazzjoni – f’livell Ewropew.
Il-proċess hu miftuħ għaċ-ċittadini Ewropej kollha, bażat fuq il-prinċipji tat-trasparenza, il-pluraliżmu, il-ġustizzja u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. L-avvenimenti li qed ikunu organizzati huma avvenimenti pubbliċi, u ċ-ċittadini Ewropej kollha huma inkuraġġiti biex jipparteċipaw.
Oriġinarjament proposti mill-President Franċiż Emmanuel Macron, il-konsultazzjonijiet taċ-Ċittadini se jkunu qed isiru madwar is-27 stat membru tal-UE, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit.
Il-MEUSAC hu ċ-ċentru nazzjonali f’Malta u l-avvenimenti se jkunu qed isiru fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin. Dan qed isir pari passu ma’ waħda mill-funzjonijiet tal-MEUSAC: dik li tistimula u tmexxi dibattitu nazzjonali dwar l-ideali, il-valuri, l-oġġettivi u l-istrateġiji fit-tul tal-Unjoni Ewropea.
Ipparteċipa fid-Djalogu taċ-Ċittadini ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’ billi tirreġistra fuq https://bit.ly/2LbYHh7. U kun ċert li ssegwi lill-MEUSAC permezz tal-website u l-paġna tal-Facebook sabiex tibqa’ f’kuntatt u tkun l-ewwel li ssir taf bl-iżviluppi.