Ejja niġu għall-punt. Kulħadd jitkellem dwar xi bidla. Mhix biss dik il-bidla ċkejkna, imma bidla bidliet drastika li tiġi għall-għarrieda u li saħansitra tkun mixtieqa mill-poplu fil-ħajja. Kemm hawn minna li huma lesti biex jaħdmu għal dik il-bidla? Billi tirreaġixxi, tikkollabora, tagħti lura u tgħin lil ħaddieħor biex tinħoloq il-bidla li wieħed tant jixxennaq għaliha? 

Id-dinja hi  kompetittiva. Anki inti. Trid tkun dik il-persuna kwalifikata, b’karriera ta’ suċċess u tgħix ħajja komda; trid tilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħek u trid li l-attenzjoni ddur lejk. Ġustament, m’hawn xejn ħażin. Imma li tgħix f’komunita’ u li tistenniha ttejjiblek it-tkabbir personali tiegħek mingħajr ma tinvesti fiha hi xi ħaġa immatura;  fosdqa li tbiegħed lill-individwu mis-sens li jkun parti mis-soċjeta’. 

Kwotazzjoni famuża ta’ Churchill tgħid: You make a living by what you getYou make a life by what you give. 

Imħabbat kemm ikun imħabbat il-bniedem, huwa dejjem possibbli li tagħti lura.  Li tagħti lura lill-komunita’ tista’ dejjem tibda minn issa. Sempliċiment ifisser li titgħallem l-arti li takkomoda u timxi ma’ stil ta’ ħajja li tħallina, mhux biex nitħabtu għall-istabbilta’ finanzjarja, imma li nifhmu u napprezzaw l-fatt li hemm persuni li qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna sfidi f’ħajjithom, u bħala komunita’, għandha tkun il-prerogattiva li ngħinuhom. 

Li tkun filantropiku, jew  li ġenwinament tħoss għall-ħajja umana u għall-avvanz  tal-persuna, bażikament għandu jkun stil ta’ ħajja, speċjalment f’pajjiż bħal tagħna. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-filantropija hi differenti minn karita’, għax il-karita’ tiffoka fuq l-eliminazzjoni tat-tbatija kawżata mill-problemi soċjali, filwaqt li l-filantropija tiffoka fuq l-eliminazzjoni tal-problemi soċjali. 

Hemm numru ta’ raġunijiet dwar l-importanza li tagħti lura lis-soċjeta’, u għaliex li tkun filantropiku għandu jkun mod kif tgħix ħajtek – mhux għal skop ta’ altruwiżmu, imma għax hi responsabbilta’ morali ta’ kull individwu li jgħix f’soċjeta’. Li tagħti lura lill-komunita’ hu l-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel, iġġib bidliet fis-soċjeta’,  huwa sinifikanti, li tagħti jistimula gratitudni u l-għotja tiegħek lill-komunita’ tittieħed. 

Ejja nwiegħdu li noħolqu soċjeta’ ugwali billi noħolqu opportunitajiet indaqs. Għax meta tagħti ma jfissirx altruwiżmu; imma tħoss li inti ġust u qed tagħmel għall-aħjar.