In-numru ta’ kandidati nisa eletti fil-parlament f’elezzjoni ġenerali niżel għall-inqas livell f’25 sena b’erba’ nisa biss jirbħu siġġu mingħajr ma jkollhom għalfejn jiddependu fuq elezzjonijiet każwali jew co-option. Dan in-numru jikkumpara ma’ dak tal-elezzjoni ġenerali tal-1996 li fiha ġew eletti direttament żewġ kandidati nisa (Helena Dalli u Giovanna Debono) filwaqt li tnejn oħra (Helen D’Amato u Maria Camilleri) kienu eletti f’elezzjoni każwali.

In-numru baxx ta’ kandidati nisa eletti direttament fl-elezzjoni ġenerali tal-2022 huwa daqqa ta’ ħarta għall-isforzi li saru matul is-snin biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika Maltija. Ironikament, dan ir-rigress qed ikun attribwit lil mekkaniżmu ta’ parità bejn is-sessi li għadu kif ġie introdott u li suppost kellu jibda jindirizza dan l-iżbilanċ.

B’dan il-mekkaniżmu li jiġi attivat biss jekk jiġu eletti żewġ partiti biss u n-numru ta’ kandidati nisa eletti jkun taħt l-40% tas-siġġijiet, kull partit jingħata sa sitt deputati nisa addizzjonali. Dawn il-membri parlamentari jintgħażlu mil-lista rispettiva ta’ kandidati skont klassifika ta’ dawk li kienu l-eqreb li jiġu eletti fl-aħħar għadd.

Dan il-mekkaniżmu kien qajjem kontroversja mill-bidu nett fost kritika li fl-aħħar mill-aħħar se jirriżulta fl-elezzjoni ta’ kandidati nisa li jkunu kisbu frazzjoni żgħira tal-kwota. Konsegwentement, kien hemm ir-riskju li n-nisa jingħataw preferenza baxxa fuq il-polza tal-votazzjoni, peress li fl-aħħar mill-aħħar l-ammont ta’ voti biex in-nisa jkunu eletti kien se jitbaxxa b’mod sinifikanti.

Fl-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, kien hemm 33 kandidati nisa maż-żewġ partiti ewlenin li minnhom 17 ikkontestaw mal-PN u 16 mal-PL rispettivament. Dan ifisser li 12 fil-mija biss tan-nisa li kkontestaw għall-partiti l-kbar kellhom suċċess. Fid-dawl tal-fatt li wħud mill-kandidati nisa eliġibbli biex ikunu eletti permezz ta’ dan il-mekkaniżmu tal-ġeneru, xorta waħda se jagħmluha permezz ta’ elezzjoni każwali, il-voti li se jkollhom bżonn kandidati nisa li ġew fis-sitt post klassifika rispettiva jista’ jitbaxxa saħansitra aktar.

Każ partikolari hu l-elezzjoni tal-kandidata Laburista Rebecca Buttigieg fl-elezzjoni każwali tad-disa’ distrett fejn hija l-unika kandidat li qed tikkompeti għal dan is-siġġu. Dan ifisser li Amanda Spiteri Grech li kisbet biss 574 vot fl-ewwel għadd fuq ir-raba’ distrett se tiġi eletta permezz tal-mekkaniżmu tal-ġeneru fis-seba’ post. B’kuntrast, il-kandidat Laburista Jose Herrera li kiseb erba’ darbiet aktar voti fl-ewwel għadd fuq l-ewwel distrett (2,130) ma kienx elett.

Kritika oħra tal-mekkaniżmu qed issir fuq il-bażi li d-daqs tal-Kamra tad-Deputati Maltija li jiżdied b’mod esaġerat. Fil-fatt f’din il-leġislatura se jkun hemm xejn inqas minn 79 deputat. Dan in-numru intlaħaq wara li l-PN ingħata żewġ siġġijiet addizzjonali skont mekkaniżmu separat maħsub biex jiżgura li l-maġġoranza tal-gvern fl-ewwel għadd tal-voti tkun proporzjonali għall-maġġoranza tas-siġġijiet. It-tieni, se jingħataw 12-il siġġu ieħor permezz tal-mekkaniżmu ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, li jġib it-total għal 79. Ta’ min jinnota li wara l-indipendenza fl-1964, il-Kamra tad-Deputati ta’ Malta kellha 50 deputat. In-numru tela’ tul is-snin u żdied għal 55 fl-1971, 65 fl-1976 u aktar permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi speċjali – tal-proporzjonalità u tal-ġeneru.

Dan ifisser li Malta, li  diġà għandha l-ogħla numru ta’ Membri Parlamentari per capita fl-Ewropa, se tiġri aktar ’il quddiem b’deputat għal kull 6,300 abitant. B’kuntrast, iċ-ċifra rispettiva fil-Lussemburgu li hu t-tieni l-iżgħar stat membru tal-UE wara Malta, hi ta’ deputat għal kull 10,000 abitant. Apparti ż-żieda fl-ispiża, numru akbar ta’ Membri Parlamentari x’aktarx li jwassal biex ikompli jiżdied il-klijenteliżmu.