Il-maġġoranza tas-siti tal-kostruzzjoni spezzjonati ma kienux konformi mar-regoli tas-CRPD
Il-maġġoranza tas-siti kostruzzjoni li ġew spezzjonati s-sena li għaddiet mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ma kienux konformi mal-istandards minimi ta’ aċċessibilità.
Jirriżulta li fl-2020, is-CRPD wettqet 307 spezzjonijiet fis-sit tal-bini, li minnhom 133 biss issodisfaw il-kriterji għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità. Il-174 każ li jifdal, li ammontaw għal 57% tal-ispezzjonijiet totali, ma kienux konformi.
Iċ-ċifra xokkanti ħarġet mir-rapport annwali tal-Kummissjoni għall-2020. Skont il-liġi l-Kummissjoni għandha tivverifika applikazzjonijiet għall-iżvilupp biex tiżgura l-aċċessibilità tal-proġett fl-istadju tad-disinn, qabel il-bidu tax-xogħlijiet. F’dan il-każ is-CRPD eżaminat 4,030 applikazzjoni li minnhom 611 jew 15% biss kienu meqjusa sodisfaċenti mill-ewwel. Fil-bqija tal-każijiet kien hemm 2,819-il applikazzjoni (70%) li fejn intalbu emendi u 600 oħra li minħabba n-natura tagħhom kienu eżentati milli jiġu eżaminati mis-CRPD.
Mitluba għar-reazzjoni tagħha minn Voice of the Workers Weekly, kelliema għall-Kummissjoni irrimarkat li dawn iċ-ċifri juru li bħala soċjetà għadna naħsbu dwar l-aċċessibilità bħala xi ħaġa tal-aħħar minuta.
“Kieku s-soċjetà tagħna kellha tadotta l-prinċipju tad-disinn universali, allura ma niffaċċjawx numru daqshekk kbir ta’ rifjuti, peress li l-proġetti jkunu maħsuba f’termini ta ’aċċessibilità mill-bidu nett. Jekk tinkludi l-kwistjonijiet ta’ aċċessibilità fl-aħħar tal-proċess ta’ ppjanar, din tkun ostaklu ieħor għas-suċċess tal-proġett,” qalet il-kelliema.
Mistoqsija jekk il-problema tistax tkun li ċerti standards ta’aċċessibilità huma stretti iż-żejjed, is-CRPD ma qablitx. “Jekk wieħed jiddisinja proġett mingħajr ma jikkunsidra d-disinn universali mill-bidu nett, allura jista’ jkun diffiċli ħafna li tissodisfa l-istandards tal-pajjiż, imma jekk iddaħħalhom mill-bidu nett, allura mhumiex diffiċli biex isiru,” il-kelliema qalet.
70% tal-pjanti sottomessi ma kinux konformi
Analiżi taċ-ċifri misjuba fir-rapport annwali tal-2020 turi li 70% tal-pjanti eżaminati mill-Kummissjoni fil-fażi tal-ippjanar ma kienux aċċettabbli. Dan ma jfissirx li dawn l-2,819-il każ ma kienux konformi bl-istess mod. Il-problemi kienu jinkludu nuqqas ta’ informazzjoni, bidliet minuri, bidliet sostanzjali jew li jitfasslu mill-ġdid. F’dan il-każ l-applikanti jistgħu jerġgħu jissottomettu pjanti ġodda biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet.
Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ 57% tirreferi għal każijiet fejn is-CRPD irrifjutat li tiċċertifika li l-bini mibni hu skont il-pjanijiet approvati. Mingħajr tali ċertifikat, wieħed ma jistax japplika għal servizzi bħad-dawl u l-ilma. Il-kwistjonijiet li ltaqgħu magħhom f’każijiet bħal dawn kienu jinkludu bini mhux skont il-pjanti u tagħmir mhux installat skont l-istandards. Filwaqt li f’xi każ il-kwistjoni tkun kbira, hemm ċirkostanzi oħra meta tista’ tissolva faċilment.
L-iżviluppaturi jistgħu jitolbu eżenzjoni
F’ċirkostanzi li fihom l-applikant jemmen li mhuwiex possibbli li timxi ma’ ċerti standards minħabba raġuni teknika jew minħabba n-nefqa involuta, hemm provvediment taħt l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (Persuni b’Diżabilità), li fih l-applikant jista’ jippreżenta każ quddiem il-Bord tat-Test tar-Raġonevolezza (ToRB). Jekk il-Bord jilqa’ t-talba, tista’ tingħata eżenzjoni.
Fl-2020, il-Bord irċieva 90 applikazzjoni bħal din li minnhom 23% biss ġew rifjutati eżenzjoni. “Il-fatt li l-Bord irċieva 90 talba biss f’perjodu li fih 2,819-il applikazzjoni ġew rifjutati mis-CRPD, juri b’mod ċar li l-maġġoranza kbira tal-applikanti jirrealizzaw li l-aħjar triq hija li jikkonformaw ma’ dak li hu mistenni minnhom. Fejn tidħol konformità, l-affarijiet huma kemxejn differenti peress li l-fażi tal-bini kienet tkun diġà saret. Normalment, garanzija bankarja li tikkonsisti f’porzjon imdaqqas tal-ispiża tax-xogħlijiet li għad iridu jsiru tinħareġ favur is-CRPD, u ma tibqax tapplika meta x-xogħlijiet isiru għas-sodisfazzjon tagħha fi żmien miftiehem,” il-kelliema spjegat.