Il-lista s-sewda tal-UE mhix tilħaq l-iskop tagħha
Is-sistema “konfuża u ineffettiva” li qed tintuża mill-UE biex titfassal il-lista s-sewda ta’ dawk imsejħa bħala tax havens għandha tinbidel. Dan intqal f’riżoluzzjoni li ġiet approvata dan l-aħħar mill-Parlament Ewropew.
Il-lista li ġiet stabbilita fl-2017, kellha “impatt pożittiv ”s’issa iżda naqset milli “tlaħħaq mal-potenzjal sħiħ tagħha, [b’] ġurisdizzjonijiet li bħalissa jinsabu fil-lista li jkopru inqas minn 2% mit-telf dinji tad-dħul mit-taxxa”, qalu l-MPE.
Ir-riżoluzzjoni li ġiet adottata b’587 vot favur, 50 kontra u 46 astensjoni, issejjaħ is-sistema attwali bħala “konfuża u ineffettiva”. Din ġabet fi tmiemu d-dibattitu li sar mal-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni.
Il-MPE ipproponew bidliet li jagħmlu l-proċess ta’ elenkar jew tneħħija ta’ pajjiż aktar trasparenti, konsistenti u imparzjali. Intqal ukoll li għandhom jiżdiedu l-kriterji biex jiġi żgurat li aktar pajjiżi jitqiesu bħala tax haven u biex jiġu evitati pajjiżi milli jitneħħew mil-lista s-sewda bil-għaġġla. L-istati membri tal-UE għandhom ukoll jiġu eżaminati biex jaraw jekk jurux xi karatteristiċi ta’ tax haven, u dawk li ma jkunux konformi għandhom jitniżżlu fil-lista.
Wara l-vot, il-President tas-Sottokumitat dwar Kwistjonijiet tat-Taxxa, Paul Tang (S&D, NL) qal: “Billi jsejjaħ il-lista tal-UE tat-tax havens “konfuża u ineffiċjenti”, il-Parlament qed jgħidha kif inhi. Filwaqt li l-lista tista’ tkun għodda tajba, l-istati membri nsew ċertu affarijiet meta kienu qed ifassluha: it-tax havens attwali. Il-verità hi li ma kienx hemm titjib u s-sitwazzjoni qed tiggrava. Guernsey, il-Baħamas u issa l-Gżejjer Cayman huma biss uħud mit-tax havens magħrufa li l-istati membri neħħew mil-lista. Il-fatt li ma indirizzawx kif suppost l-evitar tat-taxxa, il-gvernijiet nazzjonali naqsu liċ-ċittadini tagħhom għax dan qed iwassal għal telf ta’ €140 biljun f’taxxi.
Huwa għalhekk li l-parlament jikkundanna bil-qawwa t-tneħħija reċenti tal-Gżejjer Cayman u jitlob għal aktar trasparenza u kriterji ta’ elenkar aktar stretti. Madankollu, irridu wkoll inħarsu fil-mera. L-istampa mhix sabiħa. Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għal 36% tat-tax havens.
Għandhom jitwessgħu il-parametri
Il-Parlament jgħid li l-kriterju biex jiġi ġġudikat jekk is-sistema tat-taxxa ta’ pajjiż hix ġusta jeħtieġ li jitwessa’ lil hinn mir-rati ta’ taxxa preferenzjali. Il-fatt li l-Gżejjer Cayman għadhom kemm tneħħew mil-lista s-sewda, waqt li kienet qed tmexxi politika ta’ rata ta’ taxxa ta’ 0%, huwa prova biżżejjed ta’ dan, jgħidu l-MPE. Fost miżuri oħra proposti, ir-riżoluzzjoni għalhekk tgħid li l-ġurisdizzjonijiet kollha b’rata ta’ taxxa korporattiva ta’ 0% jew mingħajr taxxi fuq il-profitti tal-kumpaniji għandhom jitpoġġew awtomatikament fuq il-lista s-sewda.
Rekwiżiti iktar iebsa
Li titneħħa mil-lista s-sewda m’għandux ikun ir-riżultat biss ta’ aġġustamenti simboliċi għas-sistema tat-taxxa ta’ dik il-ġurisdizzjoni, jgħidu l-MPE. Huma ġabu l-eżempju tal-Gżejjer Cayman u l-Bermuda li ġew imneħħija wara bidliet “minimi ħafna” u “miżuri ta’ infurzar dgħajfa”. Ir-riżoluzzjoni għalhekk titlob li l-kriterji jkunu aktar stretti.
Ġustizzja u trasparenza
Il-pajjiżi terzi kollha għandhom jiġu ttrattati u eżaminati b’mod ġust bl-użu tal-istess kriterji, jgħidu l-MPE, u jenfasizzaw li l-lista attwali tindika li dan mhux il-każ. In-nuqqas ta’ trasparenza li biha hija mfassla u aġġornata jżid ma’ dawn id-dubji. Huma jitolbu li l-proċess biex tiġi stabbilita l-lista jiġi formalizzat permezz ta’ strument li legalment jorbot sa tmiem l-2021 u jistaqsu jekk korp informali bħall-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta huwiex kapaċi jew adattat biex jaġġorna l-lista s-sewda.