Il-kunfidenza tal-konsumaturi tonqos hekk kif l-għoli tal-ħajja qed ikompli jolqot fil-laħam il-ħaj
Rapport tal-Bank Ċentrali ikkonkluda li l-fiduċja tal-konsumaturi fil-Gżejjer Maltin kompliet tonqos hekk kif il-familji esprimew tħassib dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom għall-futur.
Dan l-indikatur ikejjel is-sentiment ġenerali tal-familji u l-aspettattivi tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali u l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu spejjeż kbar fit-12-il xahar li ġejjin.
Jirriżulta li fl-2023 il-fiduċja tal-konsumatur naqset għal -10.9, minn -7.3 fl-2022 u 3.4 fl-2021. Barra minn hekk, it-tnaqqis wassal biex il-livell ġenerali waqt taħt il-medja fit-tul li hi fil-livell ta’ -10.3.
Il-Bank Ċentrali innota li t-tnaqqis fis-sentiment, meta mqabbel mal-2022, fil-biċċa l-kbira jirrifletti deterjorament fl-aspettattivi tal-konsumaturi tas-sitwazzjoni ekonomika ġenerali matul it-12-il xahar li ġejjin. Fl-istess ħin, il-familji indikaw li ma kellhomx l-intenzjoni li jagħmlu spejjeż kbar fix-xhur ta’ wara.
Dan jikkuntrasta mal-2022, meta l-aspettattivi dwar spejjeż kbar kienu pożittivi. Barra minn hekk, filwaqt li l-valutazzjoni tal-konsumaturi dwar il-finanzi tagħhom matul l-aħħar 12-il xahar marret għall-agħar, l-aspettattivi tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tjiebu iżda baqgħu negattivi.
L-istħarriġ jindika li b’kuntrast mal-2022, żdiedu dawk li qalu li kienu qed jistennew li l-qgħad se jogħla fit-12-il xahar ta’ wara. Sadanittant, it-tamiet ta’ tfaddil naqsu meta mqabbla ma’ sena qabel, iżda baqgħu pożittivi. L-istħarriġ juri wkoll li l-perċezzjoni dwar l-inflazzjoni żdiedet u laħqet livelli bla preċedent, filwaqt li t-tħassib dwar l-għoli tal-prezzijiet naqas iżda baqa’ kemxejn għoli.
Għalkemm hemm għadd ta’ fatturi li jolqtu b’mod negattiv il-fiduċja tal-konsumatur, fil-każ ta’ Malta l-kawżi probabbli huma x’aktarx relatati maż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja li kielet it-tfaddil, żiedet l-ispejjeż u konsegwentement naqqret il-kwalità tal-ħajja. Xenarju bħal dan iqanqal tħassib u sens ta’ inċertezza, sal-punt li l-familji jibdew jaqtgħu mill-infiq ‘mhux meħtieġ’ biex jiżguraw li jkollhom xi flus imwarba f’kas li jinqalgħu spejjeż mhux mistennija. Barra minn hekk, il-prezz tal-propjetà qed jaqta’ qalb iż-żgħażagħ li jixtru l-ewwel dar tagħhom.
Intant, il-Bank Ċentrali jirrapporta li l-livell ta’ fiduċja fil-kostruzzjoni naqas iżda baqa’ pożittiv.
L-indikatur tas-sentiment għas-settur tal-kostruzzjoni kellu medja ta’ 1.2 matul l-2023, meta s-sena ta’ qabel kien 7. Minkejja dan it-tnaqqis, il-fiduċja baqgħet ferm ogħla mill-medja fit-tul li hi fil-livell ta’ -8.1.