L-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer qabel l-elezzjonijiet jiżvela għarfien dwar l-elezzjonijiet Ewropej fost iċ-ċittadini u tħassib dwar il-kuntest ġeopolitiku attwali.

Il-pubblikazzjoni tal-lum ta’ qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju tiżvela xejra pożittiva fl-indikaturi ewlenin tal-elezzjonijiet Ewropej, ftit ġimgħat biss qabel ma ċ-ċittadini tal-UE jivvutaw bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju. L-interess fl-elezzjoni, l-għarfien dwar meta se ssir kif ukoll il-probabbiltà li wieħed jivvota qed jiżdiedu mill-aħħar stħarriġ fil-Ħarifa 2023, meta sar l-aħħar kejl. Iż-żidiet huma saħansitra aktar impressjonanti meta mqabbla mal-istħarriġ tar-Rebbiegħa 2019 (tliet xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej preċedenti).

60 % issa jgħidu li huma interessati li jivvutaw f’Ġunju (+ 3 pp meta mqabbla mal-Ħarifa 2023 u + 11 pp meta mqabbla ma’ Frar/Marzu 2019). 71 % jgħidu li huwa probabbli li se jivvutaw (7 sa 10 fuq skala minn 1–10), li jirrappreżentaw + 3 pp meta mqabbla mal-Ħarifa 2023 u + 10 pp meta mqabbla ma’ Frar/Marzu 2019. Is-sejbiet jissuġġerixxu li ċ-ċittadini tal-UE huma konxji ħafna tal-importanza tal-elezzjonijiet fil-kuntest ġeopolitiku attwali, bi tmienja minn kull għaxra (81%) ta’ dawk li wieġbu jaqblu li dan jagħmel il-votazzjoni saħansitra aktar importanti. Maġġoranzi kbar fl-Istati Membri kollha japprovaw din id-dikjarazzjoni, inkluż f’Malta (81 % wkoll).

F’Malta hemm aktar interess fil-votazzjoni mill-medja tal-UE, bi 68 % issa jgħidu li huma interessati li jivvutaw f’Ġunju (2pp inqas meta mqabbla mal-Ħarifa 2023, u + 11 pp meta mqabbla ma’ Frar/Marzu 2019) u 72 % jgħidu li x’aktarx jivvutaw (żieda ta’ 2pp meta mqabbla mal-Ħarifa, u + 3 pp meta mqabbla ma’ Frar/Marzu 2019).

Meta kkummentat ir-riżultati tal-istħarriġ, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: “L-Ewropej huma konxji li r-riskji huma għoljin u li l-votazzjoni hija saħansitra aktar importanti fil-kuntest ġeopolitiku attwali. Nappella liċ-ċittadini biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, biex isaħħu d-demokrazija Ewropea u biex isawru l-futur tal-Ewropa.”

Hekk kif qed tikkonkludi din il-leġiżlatura, 81 % taċ-ċittadini tal-UE għandhom immaġni pożittiva jew newtrali tal-Parlament Ewropew, filwaqt li 18 % biss għandhom immaġni negattiva. Barra minn hekk, maġġoranza fl-UE (56 %) tixtieq li l-PE jkollu rwol aktar importanti, filwaqt li 28 % biss jixtiequ jaraw l-oppost, u 10 % jridu jżommu r-rwol tal-PE kif inhu bħalissa.

Fost il-Maltin, 90 % għandhom immaġni pożittiva (48 %) jew newtrali (42 %) tal-Parlament Ewropew, filwaqt li 10 % biss għandhom immaġni negattiva. 71 % tar-rispondenti Maltin jixtiequ rwol aktar importanti għall-PE, 10 % jixtiequ li dan ir-rwol jibqa’ l-istess, filwaqt li 15 % jixtiequ rwol inqas importanti għall-PE.

Il-President Metsola żiedet: “Il-Parlament u l-Unjoni Ewropea kisbu riżultati mingħajr preċedent f’dawn l-aħħar snin. Konna ikkonfrontati b’ċirkostanzi eċċezzjonali u diffiċli iżda ħriġna minnhom saħansitra aktar b’saħħitna u magħqudin. Il-Parlament kien u se jkompli jkun il-vuċi u l-avukat taċ-ċittadini fl-UE.”

Iċ-ċittadini Ewropej jixtiequ jaraw il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (33 %) kif ukoll appoġġ għas-saħħa pubblika (32%) bħala l-kwistjonijiet ewlenin diskussi matul il-kampanja elettorali. L-appoġġ għall-ekonomija u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, kif ukoll id-difiża u s-sigurtà tal-UE jinsabu fit-tielet post (b’31%).

Għall-Maltin, il-migrazzjoni hija l-kwistjoni ewlenija għal 50%, bis-saħħa pubblika (41%) u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (38%) jsegwu, filwaqt li l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima (33%) hija fir-raba’ post, u d-difiża u s-sigurtà tal-UE fil-ħames (31%).

L-importanza li ċ-ċittadini jagħtu lid-difiża u s-sigurtà tal-UE żdiedet matul din il-leġiżlatura, b’mod partikolari fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Din issa tissemma’ bħala l-ewwel prijorità (jew l-ewwel prijorità konġunta) tal-kampanja elettorali f’disa’ pajjiżi, bl-ogħla riżultati fid-Danimarka (56 %), il-Finlandja (55 %) u l-Litwanja (53 %).

Bl-istess mod, meta jħarsu lejn il-futur, iċ-ċittadini tal-UE qiegħdu d-difiża u s-sigurtà (37 %) bħala l-ewwel prijorità fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-UE globalment, il-kwistjonijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-ikel/l-agrikoltura jsegwu (it-tnejn bi 30 %).

Il-Maltin huma aktar imħassba dwar is-sigurtà tal-ikel u l-agrikoltura (37%) u l-azzjoni klimatika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet (32%). Flimkien fit-tielet post bħala l-prijoritajiet ewlenin fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-UE fid-dinja huma l-valuri tal-UE, il-kwistjonijiet tal-enerġija, u d-difiża u s-sigurtà (29% kull wieħed).

Filwaqt li erbgħa minn kull għaxar ċittadini jgħidu li r-rwol tal-UE sar aktar importanti matul dawn l-aħħar snin, 35% jaħsbu li din baqgħet l-istess u 22% li naqas. Fil-livell nazzjonali, il-maġġoranzi relattivi fi 15-il pajjiż jemmnu li r-rwol tal-UE fid-dinja sar aktar importanti matul is-snin, bi proporzjonijiet li laħqu s-67% fl-Iżvezja, 63% fil-Portugall u 60% fid-Danimarka. Sadanittant, iċ-ċittadini Sloveni u Ċeki huma l-aktar probabbli li jgħidu li r-rwol tal-UE sar inqas importanti (32% u 30%, rispettivament).

F’Malta, 52 % jemmnu li r-rwol tal-UE sar aktar importanti fid-dinja, filwaqt li 35% jemmnu li baqa’ l-istess.

Kważi tliet kwarti taċ-ċittadini (73%, u + 3 pp meta mqabbla mal-Ħarifa 2023) jgħidu li l-azzjonijiet tal-UE għandhom impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum, inkluż wieħed minn ħamsa (20%) li għalihom dawn l-azzjonijiet għandhom impatt kbir. Barra minn hekk, maġġoranza kbira tal-Ewropej jaqblu li pajjiżhom, kollox ma’ kollox, ibbenefika mis-sħubija fl-UE (71%). Dawn ir-riżultati huma stabbli meta mqabbla mal-Ħarifa tal-2023 u jkomplu jgawdu minn livelli għoljin madwar l-UE.

Maġġoranza kbira ta’ Maltin, 87%, jemmnu li l-UE għandha impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u 91% jemmnu li Malta gawdiet mis-sħubija fl-UE, tnaqqis ta’ 2pp u 1pp rispettivament meta mqabbla mas-sejbiet tal-Ħarifa li għaddiet.

Ir-riżultati sħaħ jinsabu hawn.