2

Skemi tal-apprentistat huma partikularment effettivi biex iż-żgħażagħ, mill-edukazzjoni u t-taħriġ, imorru għad-dinja tax-xogħol.  Dawn l-iskemi jipprovdu taħlita ta’ ħiliet tekniċi u  oħrajn prattiċi li huma mfittxija minn min  iħaddem. 

Fil-5 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea addottat proposta mmirata biex issaħħaħ il-kundizzjonijiet u r-riżultati tal-apprentistati għaż-żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea, bit-tama li tiffaċilita t-tfittxija għax-xogħol fil-futur. 

Il-proposta ġġib l-isem ta’ Qafas Ewropew għal Apprentistati Effettivi u ta’ Kwalita’. Din il-proposta hi mmirata sabiex issaħħaħ l-isforzi tal-apprentisti ħalli jsibu x-xogħol u l-iżvilupp personali, filwaqt li tikkontribwixxi lejn ħaddiema kwalifikati u mħarrġa tajjeb li jirrispondu għall-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol. 

Il-proposta tidentifika 14-il  kriterju prinċipali, bħal, kuntratti miktubin, riżultati miksuba mit-tagħlim, kundizzjonijiet dwar il-pagi u s-sigurta’, kif ukoll riżultati għall-apprentisti, appoġġ għall-kumpaniji u l-involviment ta’ imsieħba soċjali. 

Il-proposta hi parti min-New Skills Agenda for Europe 2016, li qed timmira biex issaħħaħ il-kwalita’ u r-rilevanza tal-formazzjoni fil-ħiliet. L-inizjattiva wkoll tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u hi marbuta mal-Qafas Strateġiku Edukazzjoni u Taħriġ 2020 u mal-Komunikat tal-2016 dwar l-Investiment fiż-Żgħażagħ Ewropej, fejn  il-Kummissjoni ħabbret  l-intenzjoni tagħha biex tipproponi Qafas Kwalitattiv għall-Apprentistati. 

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-implimentazzjoni tal-kriterji permezz ta’ finanzjar  rilevanti tal-Unjoni Ewropea.