Il-kont (dak ta’ vera) jekk jogħġbok
L-aħbar li s-sistema li qed tintuża mill-Arms biex jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed tiswa lill-konsumaturi spiża €6.5 miljun żejda fis-sena nisslet għadab kbir. Din il-konklużjoni hi bbażata fuq investigazzjoni li saret mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar is-sistema li qed tintuża biex ikunu applikati t-tariffi tad-dawl u l-ilma. Dan ir-rapport isegwi l-kampanja li saret mill-Partit Nazzjonalista li ilu jgħid li l-kontijiet qed jinħadmu ħażin tant li wiegħed li jagħti rifużjoni jekk jiġi elett fil-gvern. Madankollu, il-fatt li issa l-Awditur Ġenerali ukoll sab li hemm il-problemi hu ferm iktar sinifikanti. Dan għaliex sal-lum wieħed seta’ jargumenta li partit politiku għandu kull interess li jonfoħ il-kwistjoni għal gwadann partiġġjan.
F’dan ir-rigward l-NAO għamel paragun bejn il-mudell eżistenti li bih il-kontijiet jinħarġu pro-rata kull xahar jew xahrejn, u mudell differenti li bih ikun hemm kont wieħed fl-aħħar tas-sena.
Jirriżulta li fi 32 mill-85 kont tal-elettriku analizzati mill-NAO il-konsumaturi qed iħallsu bejn €10.74 u €468.90 iktar milli suppost f’sena li jammontaw għal €4.6 miljun meta applikati għad-djar kollha eżistenti tal-Gżejjer Maltin. L-istess eżerċizzju sar fuq il-konsum tal-ilma u sfortunatament għall-konsumaturi f’14 mit-78 kont li ġew analizzati il-konsumaturi ħallsu aktar. Id-differenza tvarja bejn €10.12 u €104.79 li tissarraf għal €1.9 miljun fis-sena meta applikata għall-kontijiet kollha. B’kollox is-sistema ta’ kontijiet li qed tiġi adottata minn Arms Limited, qed tirriżulta f’piżijiet żejda fuq il-konsumaturi għal €6.5 miljun fis-sena, li tfisser €22 għal kull dar.
Minkejja l-evidenza li hemm xi ħaġa ħażina fis-sistema tal-kontijiet, il-gvern jibqa’ ċass waqt li l-konsumaturi qed jinsterqu. Sitwazzjoni bħal tixbah lil sid ta’ ristorant li jaf li l-cash register qed jaħdem ħażin, iżda ma jagħmel xejn biex jirranġa s-sitwazzjoni ħlief iwiegħed lill-klijenti li s-sitwazzjoni qed tiġi studjata. F’dan il-każ, l-analoġija hi saħansitra aktar serja peress li l-familji m’għandhom l-ebda għażla sakemm ma jridux jgħixu fid-dlam ċappa u bla ilma. Għalhekk, biex jekk irridu nkomplu b’din l-analoġija is-sitwazzjoni hi aktar gravi għax hemm monopolju u l-klijenti m’għandhomx alternattiva ħlief li jinsterqu.
Biex tgħaxxaqha fl-aħħar xhur kien hemm rapporti li l-kontijiet għolew bla ebda ġustifikazzjoni, bil-gvern iwaħħal fis-sħan qawwija għal konsum eċċessiv. Dan qed jirriżulta wkoll f’kontijiet li qed jirduppjaw u t-telf tal-benefiċċju tal-eko-kontribuzzjoni. Li huwa saħansitra aktar inkwetanti huwa li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet qed jiġu rappurtati minn familji li huma konxji ħafna mill-użu tal-enerġija. Mhux spjegabbli kif familja ta’ erba’ persuni li bidlux l-istil tal-ħajja tagħhom f’daqqa waħda rċevew kont ta’ €400 għal erba’ xhur meta fl-istess żmien tas-sena ta’ qabel kienu ħallsu nofs dan l-ammont. Barra minn hekk, qed iqumu mistoqsijiet dwar it-trasparenza tas-sistema tal-kontijiet. Għaliex il-konsumaturi mhux qed jiġu mwissija jekk għal xi raġuni l-livell tal- konsum tagħhom żdied f’daqqa? Għaliex id-djar mhux qed jiġu mwissija li jistgħu jitilfu l-eko-kontribuzzjoni tagħhom jekk ix-xejriet eżistenti jinżammu? Għaliex xi familji f’daqqa mhux qed jirċievu iktar kontijiet imma mbagħad jiskopru li qed jiġ i impnut fuqhom l-imgħax għal ħlasijiet tard? U għaliex ċerti konsumaturi qed jirċievu kontijiet li jmorru lura għaxar snin minħabba li l-Arms qed tgħid li kien sar żball? L-aħħar ħaġa li ċ-ċittadini jistennew hija li jinsterqu mill-istess Gvern li tela’ bil-wegħda li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dan kollu qed iseħħ fost tħassib mill-Awditur Ġenerali dwar żieda fl-ispejjeż operattivi tal-Arms li f’inqas minn għaxar snin żiedet il-ħaddiema bit-tripplu minn 135 fl-2012 għal 296 fl-2020. Dawn jinkludu r-reklutaġġ ta’ meter readers minkejja li bl-introduzzjoni tal-ismart meters m’hemmx il-ħtieġa li dan isir.
Spejjeż oħra notevoli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku huma relatati mad-deċiżjoni kontroversjali li jibqa’ jinxtara l-elettriku mingħand l-Electrogas anke meta l-elettriku mill-interconnector ikun ferm irħas u l-prezz li qed jitħallas għall-LNG li fl-2017 biss kien sewa €40 miljun aktar mill-prezz fis-suq.
F’dan ix-xenarju, mhux ta’ b’xejn qed iqumu ċertu dubji wara ż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Jista’ għalhekk il-gvern jibagħtilna l-kont ta’ dak li verament qed naħlu?