Il-klijenteliżmu hija sistema mdaħħla fil-fond tal-mentalità tagħna
Is-sistema klijentali għandha l-għeruq tagħha mhux biss fil-politika Maltija imma wkoll fil-mentalità Maltija. Il-klijenteliżmu huwa wieħed mill-mardiet tas-soċjetà Maltija li wassal u għadu jwassal għall-korruzzjoni filwaqt li jqiegħed id-demokrazija fil-periklu. Il-benefiċjarji ta’ xbieki klijentelistiċi ma jisfidawx l-abbużi tal-poter kawżati mill-patruni tagħhom peress li r-risq tal-klijenti jiddependi mis-suċċess tal-patruni.
Ħadd ma jinnega l-fatt li ħafna nies iqisu lill-politiċi bħala mezz biex jintlaħaq xi għan. Hija sistema li ilha magħna minn dejjem, għax hija prodott dirett, mhux biss tal-preżenza taż-żewġ partiti, imma tar-rabta tal-elettorat mal-politika.
Parti mill-klijenteliżmu, ċertament, għandha x’taqsam mal-mentalità Maltija li nqiegħdu lill-politiċi fuq pedestall. It-tendenza tagħna, li nfaħħru l-eroj politiċi tagħna u niddemonizzaw l-avversarji politiċi tagħna, tittraduċi ruħha direttament f’‘kult’ tal-politiku: li, fl-immaġinazzjoni popolari, jiġi biex isawwar kważi awtorità totali fuq il-mekkaniżmi tal-pajjiż.
Sfortunatament, din il-perċezzjoni hija wkoll appoġġjata bil-fatti. Il-politiċi Maltin tabilħaqq joħolqu poter sproporzjonat f’dan ir-rigward: tassew jinterferixxu fi kwistjonijiet marbutin ma’ ħatriet pubbliċi.
Ir-riżultat huwa l-ħolqien ta’ sistema li xxerred l-ipokresija, toħloq l-inugwaljanza u l-inġustizzja, filwaqt li tbaxxi d-dinjità tal-persuna. Twaqqa’ ukoll għaċ-ċajt il-kunċett tal-meritokrazija, li l-gvernijiet kollha huma impenjati biex jilqgħuh. Dak li għandna f’Malta mhix sistema bbażata fuq kemm taf, imma waħda bbażata fuq lil min taf.
Il-politiċi jibqgħu obbligati għal min jelleġġihom fil-Parlament, irrispettivament minn kwalunkwe bidla fil-gvern. Sakemm għandna persuni maħtura politikament li jmexxu l-aġenziji nazzjonali, din il-prassi se tibqa’ tifleġ ukoll dawn l-aġenziji, hekk kif il-pressjoni politika hija eżerċitata fuqhom.
Kollox ma’ kollox, il-klijenteliżmu minnu nnifsu huwa sostnut mis-sistema elettorali bbażata fuq id-distretti. Skont kif saħqu kummentaturi dwar ix-xjenza soċjali fix-xhur li għaddew, riforma biex tabolixxi d-distretti elettorali u tmexxi l-elezzjonijiet b’kostitwenza nazzjonali waħda, tibqa’ mod effettiv biex il-klijenteliżmu jiddgħajjef. Madankollu huwa importanti li din ir-riforma tibqa’ tiġi appoġġjata u diskussa, u tal-inqas tipprova tindirizza d-diversi difetti sistematiċi li għandna fil-pajjiż.