Il-KESE jappella għal regolamentazzjoni b’saħħitha u ssimplifikata tal-crypto-assets
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sejjaħ għal regolamentazzjoni akbar tal-crypto-assets, b’regoli robusti u koerenti biex jipproteġu aħjar lill-investituri madwar l-UE f’konformità mal-miżuri attwali applikati għas-servizzi finanzjarji tradizzjonali.
Din ir-rakkomandazzjoni tressqet f’opinjoni mir-rapporteur Philip Von Brockdorff li huwa r-rappreżentant tal-UHM Voice of the Workers f’din l-istituzzjoni.
Dawn l-assi huma rappreżentazzjoni diġitali tal-valur li jistgħu jiġu trasferiti, maħżuna jew kummerċjalizzati elettronikament. Il-crypto-assets la huma maħruġa u lanqas garantiti minn bank ċentrali jew awtorità pubblika. Jeżistu ħafna tipi ta’ assi bħal dawn, li jirrappreżentaw diversi sfidi u opportunitajiet għall-investituri, ir-regolaturi u s-settur finanzjarju.
“Qafas regolatorju għall-crypto-assets jeħtieġ li jkun konsistenti bejn il-ġurisdizzjonijiet u mhux biss fi ħdan l-UE. Standards ibbażati fuq kundizzjonijiet ekwi għandhom jiġu stabbiliti ġewwa u barra l-UE biex jipproteġu lill-klijenti,” irrimarka l-Prof. Von Brockdorff.
F’opinjoni fuq inizjattiva tiegħu li fiha tanalizza l-isfidi u l-opportunitajiet tal-crypto-assets, il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal regolamentazzjoni b’saħħitha u simplifikata ta’ crypto-assets (MiCA).
Il-MiCA għandha l-għan li tipproteġi l-investituri u tippreserva l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li tippermetti l-innovazzjoni u trawwem l-attrazzjoni tas-settur. Il-proposta tipprovdi għal liċenzja obbligatorja għall-fornituri tas-servizz tal-crypto-assets (CASPs) u għandha l-għan li tindirizza n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE.
Ċerti kwistjonijiet għadhom ma ġewx indirizzati mill-MiCA, u l-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb it-traċċar tat-tranżazzjonijiet u tiżgura li dawk li jużaw jew jinvestu fil-crypto-assets jikkonformaw mal-liġijiet tat-taxxa.
Regolament frammentat
L-assi kriptografiċi jirrappreżentaw għadd ta’ sfidi soċjali, politiċi u ekonomiċi. Ħafna drabi jintużaw bħala mezzi ta’ ħlas għal attivitajiet kriminali, pereżempju għal reati ċibernetiċi. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) innota wkoll li l-crypto-assets qed jintużaw biex jevadu s-sanzjonijiet imposti fuq l-oligarki Russi bħala riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna.
Benefiċċji li għandhom ikunu sfruttati
Il-crypto-assets jiffrankaw spejjeż ta’ tranżazzjoni minn fornituri ta’ servizzi finanzjarji tradizzjonali speċjalment fuq skala internazzjonali. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li blockchain, bħala t-teknoloġija bażika ewlenija għall-crypto-assets, tista’ tgħin biex jiġu indirizzati ċerti riskji eżistenti. L-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jgħinu biex jindirizzaw il-limitazzjonijiet tal-konformità tat-taxxa, u b’hekk itejbu t-trasparenza u jnaqqsu l-frodi tat-taxxa u t-tranżazzjonijiet illeċiti. Żviluppi bħal dawn jistgħu wkoll jimmotivaw lill-banek biex jikkooperaw fi ħdan l-ekosistema blockchain, li jippermettulhom jaqsmu l-informazzjoni permezz ta’ pjattaforma ta’ finanzjament kummerċjali bbażata fuq blockchain, jemmen il-KESE.
Il-KESE jappoġġja wkoll rwol qawwi għall-BĊE fil-monitoraġġ tas-suq tal-crypto-assets, l-impatt fuq il-politika monetarja u riskji ulterjuri maħluqa minn din il-klassi ta’ assi finanzjarji, pereżempju fuq l-istabbiltà finanzjarja.