Il-kapitali Ewropej tal-Kultura…tfittxija għall-avveniment kulturali perfett
Bejn l-1985 u l-2019, 60 belt żammew it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura – riċentament miżmuma minn Matera fl-Italja u minn Plovdiv fil-Bulgarija fl-2019. Mibdija fl-1983 minn Melina Mercouri, l-eks Ministru tal-Kultura tal-Greċja, il-kunċett issawwar sentejn wara bħala inizjattiva inter-govermentali taħt l-isem ta’ Belt Ewropea tal-Kultura.
Is-suċċess tal-avveniment kien tali li fl-1999, il-Kunsill tal-UE ittrasformah f’azzjoni komunitarja, u ħoloq sistema ta’ rotazzjoni iżjed trasparenti għal min jingħata t-titlu. Il-proċedura tal-għażla – li l-aħħar li ġiet modifikata kien fl-2014 – tpoġġi enfasi partikulari fuq il-monitoraġġ tal-proposti, it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-proġetti, titjib fil-kompetizzjoni bejn bliet kandidati, u d-definizzjoni mill-ġdid tar-rwol tal-panel tal-għażla.
Hekk kif aktar u aktar bliet qed jidħlu fil-ġirja tal-Bliet Ewropej tal-Kultura, somom sostanzjali ta’ flus qed jintefqu, inkluż fuq il-proċess tal-offerti. Filwaqt li fis-snin bikrija tal-programm (1985-1994) il-medja tal-budget operattiv kien madwar €25 miljun kull belt, dan l-ammont irdoppja aktar biex laħaq kważi €60 miljun kull belt għall-perijodu 2007-2017.
B’budgets li qed jiżdiedu, hemm ukoll żieda fl-iskrutinju tal-ibliet, tal-gvernijiet nazzjonali u tal-UE, dwar il-benefiċċji wiesa’ f’termini ta’ żvilupp kulturali, għaqda soċjali u d-dehra tal-belt li ħafna mill-offerti jwiegħdu. Dan wassal għal aktar monitoraġġ sofistikat u frekwenti u l-evalwazzjoni tal-proċess sħiħ, kemm mill-Kummissjoni Ewropea u mill-ibliet li jospitaw it-titlu nfushom.
Iċ-ċelebrazzjoni simbolika ta’ identitajiet kulturali Ewropej hi madankollu marbuta mill-qrib mas-suċċess ekonomiku tal-operazzjoni. Skont l-esperti, maż-żmien numru ta’ konflitti u tensjonijiet seħħew minħabba id-diversi objettivi xi kultant kontradittorji tal-avveniment, eżempju, ekonomiċi u kulturali, biex insemmu tnejn. Kritika addizzjonali tinkludi n-nuqqas biex wieħed ikun responsabbli, id-diffikultà biex jingħelbux d-diviżjonijiet soċjali u l-eżawriment ta’ riżorsi lokali. Minkejja dan kollu, evalwazzjonijiet ta’ wara l-avveniment juru li b’mod ġenerali t-titlu ta’ belt kulturali jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u t-turiżmu, jgħin biex jibni sens ta’ komunità u jikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni urbana.