Il-ħaddiema tal-kuntrattur għandhom ikunu trattati daqs il-ħaddiema tal-Gvern
Ħafna drabi nirreferu għalihom bħala carers tal-kuntrattur, kategorija ta’ ħaddiema li għal xi wħud qishom għandhom xi ħaġa inqas mill-carers tal-Gvern. Dawn il-carers tal-kuntrattur huma ħaddiema full-time u jaħdmu 40 siegħa bħal kulħadd, bid-differenza li minflok l-employer tagħhom huwa l-Gvern, l-employer tagħhom huwa l-privat. M’għandhom xejn inqas u xejn iktar bħala carers. Ilkoll qed jaħdmu flimkien fuq l-istess post tax-xogħol ma’ carers li huma tal-Gvern.
Xi wħud iħarsu lejn dawn il-ħaddiema qishom xi aljeni li ġew minn imkien. Sfortunatament mhux biss il-ħaddiema li huma impjegati mal-Gvern iħarsu lejhom hekk, iżda anke min imexxi għax jekk ma joqgħodux għal dak li jintqalilhom, għandu dritt li jwarrabhom. Min imexxi f’post tax-xogħol jippretendi li l-employer tal-carers jipprovdi ħaddiem ieħor. Xi postijiet tax-xogħol jisħqu b’ċertu arroganza li dan hu bi dritt tagħhom għax huma il-klijent li qed jixtru is-servizz mingħand il-kuntrattur.
Dan qed ngħidu wara li fil-jiem li għaddew kien hemm carer fir-Residenza San Vinċenz de Paul (SVPR) li, għax tkellmet biex titma pazjent, il-management keċċiha u talab lil min iħaddimha biex ma jerġax jibgħatha hemm. Din il-carer tneħħiet fuq x’qal ħaddieħor u lanqas ingħatat opportunità biex tgħid tagħha. Din il-carer hi tal-kuntrattur u hu jrid jinvestiga. Is-sabiħa hi li min iħaddimha (il-kuntrattur), irid jew ma jridx, ikollu jsibha ħatja għax il-klijent ma obdiex. Hekk jiġu stmati il ħaddiema? Xi tridu jagħmel l-employer? Jew juriha l-bieb ta’ barra jew inkella jibgħatha x’imkien ieħor fejn tista’ taħdem – jekk ikollu! Hekk irridu neħilsu mill-ħaddiema? Wara li ilha taħdem fir-Residenza San Vinċenz de Paul mingħajr qatt ma kellha inkwiet fil-passat, hekk huwa r-ringrazzjament lejn din il-carer – billi intalab li titneħħa minn SVPR?
Wieħed jitħasseb u jinkwieta meta ħaddiema jiġu stmati hekk f’postijiet fejn hemm is-servizz tal-kuntrattur. Tismagħhom jgħidu “aħjar tal-kuntrattur għax jagħmlu dak li ngħidulhom u jekk le nibdluhom”. Għalxejn drittijiet u għalxejn kemm persuna taħdem u tistinka. Diġà hemm differenza li dawn il-ħaddiema ma jiħdux ċertu allowance bħalma jieħdu il-ħaddiema tal-Gvern. Iżda li hu agħar hu li għax ħaddiem tal-kuntrattur qisu m’għandu l-ebda dritt ta’ xejn ħlief li jgħid ‘iva’ għal kollox. Din mhux aċċettabbli u din hija inġustizzja li qed issir fid-dipartimenti tal-Gvern.
Il-UĦM Voice of the Workers trid li dawn il-ħaddiema jkunu stmati bħala ħaddiema u mhux għax huma ‘tal-kuntrattur’. Ħaddiem tal-kuntrattur huwa wkoll ħaddiem bid-drittijiet kollha. L-isfortuna hi li kif ħaddiema tal-kuntrattur jiftħu ħalqhom, ikun tkellmu mal-union u din titkellem f’isimhom, dawn jiġu kkastigati billi jitneħħew minn fejn ikunu.
Għalhekk fost dawn il-ħaddiema qed tirrenja ċertu biża’ speċjalment fost ħaddiema barranin għax, bħalma jaf kullħadd, numru kbir minnhom huma barranin. Dawn jibżgħu jiftħu ħalqhom għax mhux talli jibżgħu li jitkeċċew iżda wkoll jistgħu jintbagħtu lura lejn pajjiżhom.
Malta suppost hi pajjiż ċivili fejn il-ħaddiem suppost għandu d-drittijiet tiegħu u l-UĦM Voice of the Workers hija kburija li tista’ titkellem f’isem il-ħaddiem. Madankollu, xorta hawn ħaddiema li qed ibatu l-inġustizzji u d-dritt tagħhom qed jiċċaħħad għas-sempliċi raġuni li huma ħaddiema tal-kuntrattur. Dawn il-ħaddiema jixirqilhom aħjar u m’għandhomx jitqiesu bħala ħaddiema tas-Second Division!