Pajjiżna għandu bżonn direzzjoni serja għax ninsabu f’sitwazzjoni fejn qed ikollna splużjoni ta’ każi tal-COVID-19.  

F’laqgħa twila ħafna, li damet kważi tmien sigħat, bejn l-imsieħba soċjali u l-Prim Ministru nhar il-Ħamis 6 ta’ Awwissu, ma tteħditx deċiżjoni assoluta biex l-attivitajiet tal-massa jitwaqqfu kompletamentMinkejja t-tħassib u l-pariri li tqajmu minn rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, il-Gvern irid jibqa’ għaddej bl-avvenimenti pubbliċi, għalkemm b’numru limitat ta’ nies, f’nofs pandemija 

Pajjiżi Ewropej oħrajn ordnaw il-waqfien ta’ attivitajiet tal-massa. Il-Gvern Malti, għall-kuntrarju, ma jridx iċedi għall-pressjoni li qed issirlu minn min irid il-ħarsien u saħħet il-poplu jkunu salvagwardjati. Dan għax il-Gvern, minflok, irid jiftaħ lil pajjiżna beraħ għall-barranin. 

Voice of the Workers jisħaq li  sabiex ikollna ekonomija b’saħħitha jrid ikollna  poplu b’saħħtu. Il-Gvern qiegħed hemm biex jissalvagwardja s-saħħa tal-poplu. Inutli li niftħu l-ekonomija u naġevolaw in-negozji meta l-każi tal-Coronavirus qed jiżdiedu b’mod konsiderevoli. 

Il-Gvern dlonk nesa  li l-miżuri ordnati minnu stess sfurzaw lil ħafna Maltin biex jingħalqu ġewwa. Issa jrid jarmi s-sagrifiċċji li saru minn kulħadd minħabba deċiżjonijiet li aktar iħarsu lejn min irid jigwadanja malajr milli lejn is-saħħa. 

Sadattant, dan  il-portal jappella lill-pubbliku biex jibqa’ jobdi l-pariri u l-appelli mogħtija mill-awtoritajiet  tas-saħħa. In-nies iridu jkunu huma stess li jikkontrollaw fejn se jmorru. Jesiġi wkoll biex tingħata iżjed  protezzjoni lil min huwa vulnerabbli u kulmin joħroġ barra joqgħod attent għalih innifsu u għal persuni oħrajn.  

Voice of the Workers ifakkar li Malta damet ħames xhur tiġġieled kontra l-Coronavirusfortunatament, meta nħarsu lura, naraw li l-Gvern ma tgħallem xejn anzi qed jieħu passi mgħaġġlin b’detriment għas-saħħa tal-poplu Malti. 

(Dan l-editorjal ġie sottomess nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Awwissu)