“Is-sitwazzjoni hija taħt kontroll b’mod mill-aktar tajjeb”. Hekk kien stqarr il-Prim Ministru meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar iż-żieda  fil-każi tal-COVID-19. Imma mhux l-istess irid jingħad għall-ħaddiema, partikularment dawk vulnerabbli, għax  l-affarijiet mhux veru jinsabu taħt kontroll. 

Diversi ħaddiema tas-Saħħa, li huma fost dawk kunsidrati  bħala frontliners, jinsabu mifluġin bix-xogħol u taħt stress kbir kawża tal-ħidma li reġgħet qabdet ir-ritmu biż-żieda ta’ aktar każijiet tal-Coronavirus. Ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur, u li huma vulnerabbli, ukoll jinsabu mħassbin  u mtaqqlin bl-inkwiet li jistgħu jimirdu b’dan il-virus jekk il-prekawzjonijiet li  kienu ttieħdu jillaxkaw. 

Hekk kif ħafna familji qed jerġgħu jżommu lill-vulnerabbli tagħhom magħluqa fi djarhom u l-pubbliku ġenerali reġa’ beda’ jieħu aktar prekawzjonijiet biex jevita l-virus, il-Gvern qed jibqa’ insensittiv għat-tħassib ta’ ħafna. 

Ħaddiem partikulari li tkellem ma’ Voice of the Workers kellu kliem iebes għall-awtoritajiet għax kawża tal-vulnerabbiltà tiegħu u peress li x-xogħol tiegħu jinvolvi kuntatt dirett mal-pubbliku, ma jistax fiżikament imur lura fil-post tax-xogħol. Din il-persuna vulnerabbli,  flimkien ma’ oħrajn, hija vittma tas-sistema għax baqgħet vulnerabblifilwaqt li l-Gvern baqa’ miexi business as usual 

Ħaddiema  mas-Servizzi ta’ Detenzjoni u membri tal-Forzi Armati wkoll jinsabu mħassba biċ-ċirkostanzi ta’ dan l-aħħar meta fost l-aħħar grupp ta’ immigranti rregolari li ddaħħal f’Malta, kien hemm perċentwal minnhom li ttestjaw pożittiv għall-coronavirus. Dan il-fatt ukoll ipoġġi iżjed pressjoni fuq il-ħaddiema tas-saħħa, l-aktar dawk li jieħdu ħsieb it-testijiet tas-swabbing. 

Barra minn hekk in-nuqqas ta’ xogħol u t-tnaqqis fid-dħul finanzjarju ta’ ċertu azjendi, wassal biex diversi ħaddiema ħadmu tlett ijiem jew erbat ijiem fil-ġimgħa. Wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet u l-każijiet naqsu drastikament, dawn il-ħaddiema tħallew imorru lura għall-5-day-week. Madankollu, issa reġa’ beda jberren għal dawn il-ħaddiema għax qed jinkwetaw li se jaħdmu inqas ġranet b’riżultat li se jkollhom tnaqqis fis-salarju tagħhom. 

Ma tonqosx il-preokkupazzjoni tal-ġenituri li ma jafux x’se jiġri meta l-iskola suppost terġa’ tiftaħ f’Settembru li ġej. 

Voice of the Workers jappella lill-Gvern biex jagħti widen għall-esperti tas-saħħa u għal dak li jgħidulu l-unions u l-korpi kostitwiti biex jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà ta’  kulħadd. Il-Gvern għandu jagħmel minn kollox biex ma jipperikolax is-suq tax-xogħol  ħalli l-ħaddiema u l-familji tagħhom ma jerġgħux jgħaddu minn burraxka oħra.