Il-fondi ta’ rkupru tal-UE għandhom jingħataw biss lill-pajjiżi li jirrispettaw is-saltna tad-dritt
Stħarriġ tal-Eurobarometer mill-Parlament Ewropew juri appoġġ ċar għat-trasparenza u l-kontroll effettiv tal-fondi tal-UE fil-qafas tal-programm NextGenerationEU. Skont l-istħarriġ, madwar l-UE 53% taċ-ċittadini jaqblu bis-sħiħ li għandu jkun hemm kontroll effettiv, waqt li 32% oħra għandhom it-tendenza li jaqblu. 8% biss ta’ dawk li wieġbu, fil-medja tal-UE, ma jaqblux ma’ din l-opinjoni. F’Malta l-opinjoni hi deċiżament favur b’69% u 26% jaqblu bis-sħiħ jew għandhom it-tendenza li jaqblu, filwaqt li 2% biss għandhom it-tendenza li ma jaqblux, u 3% ma jafux.
Din hija pożizzjoni kondiviża mill-Parlament Ewropew, li bħalissa qed jivvaluta mill-qrib il-pjanijiet nazzjonali mal-Kummissjoni, sabiex ikun żgurat li dawn il-fondi jintużaw f’konformità mal-għanijiet ta’ soċjetà Ewropea aktar ekoloġika, aktar diġitali, u aktar reżiljenti.
Iċ-ċittadini jagħtu valutazzjoni pożittiva għall-premessa tal-programm ta’ rkupru ta’ €800 biljun tal-Unjoni Ewropea: tlieta minn kull ħames ċittadini (60%) jemmnu li l-proġetti NextGenerationEU se jgħinu lil pajjiżhom jegħleb il-ħsara ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija tal-coronavirus. 59% taċ-ċittadini jgħidu wkoll li l-programm se jgħin lil pajjiżhom biex ikun ippreparat aħjar għall-isfidi futuri.
Malta hija fuq nett fil-lista tal-pajjiżi tal-UE li jemmnu dan, bi 78% jemmnu li proġetti NextGenerationEU se jgħinu l-irkupru tal-pandemija, u 80% li dawn se jgħinu fit-tħejjija għall-isfidi futuri.
Fuq din il-linja, l-istħarriġ juri wkoll li 53% taċ-ċittadini Ewropej għandhom immaġni pożittiva tal-Unjoni Ewropea, b’19% biss għandhom immaġni pjuttost jew negattiva ħafna tagħha. Il-Maltin għandhom immaġni iktar pożittiva mill-medja, b’64% jaraw l-UE b’mod pożittiv, filwaqt li 11% għandhom immaġni negattiva
Madankollu r-riżultati tal-istħarriġ jissuġġerixxu tħassib f’firxa ta’ pajjiżi tal-UE dwar kemm il-gvernijiet nazzjonali fil-fatt se jużaw dawn il-fondi addizzjonali tal-UE sew. Filwaqt li bħala medja 45% taċ-ċittadini jafdaw lill-gvernijiet nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward, 41% ta’ dawk li wieġbu jesprimu dubji, u juru differenzi sinifikanti fil-livelli ta’ fiduċja madwar l-UE. F’Malta, 51% jesprimu fiduċja.
L-opinjoni pubblika tappoġġja wkoll b’mod ċar il-pożizzjoni li ħa dan l-aħħar il-Parlament Ewropew fid-dibattitu dwar il-ħtieġa ta’ kundizzjonalità, kontroll u trasparenza. Dan huwa rifless fl-appoġġ kontinwu taċ-ċittadini għar-rispett għall-Istat tad-Dritt bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ fondi tal-UE. Erbgħa minn kull ħames ċittadini (81%) jaqblu li l-UE għandha tipprovdi biss fondi lill-Istati Membri sakemm il-gvernijiet tagħhom jimplimentaw is-saltna tad-dritt u l-prinċipji tad-demokrazija’. F’Malta 83% huma ta’ din l-opinjoni.
Il-prijoritajiet politiċi qed jinbidlu
Mistoqsija liema kwistjonijiet il-Parlament Ewropew għandu jsegwi bħala l-prijoritajiet politiċi tiegħu, 43% taċ-ċittadini wieġbu l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima fl-ewwel post.
Dan huwa l-każ ukoll għal Malta, fejn l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima hija fuq nett tal-lista ta’ prijoritajiet għal 64%. Il-migrazzjoni hija l-prijorità għal 43%, filwaqt li għal 30% għandha tingħata prijorità l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.
Madwar l-UE, prijoritajiet oħra kkunsidrati minn dawk li wieġbu – li jaqblu mal-prijoritajiet tal-Parlament għall-irkupru post-pandemiku – huma miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (32%), appoġġ għall-ekonomija u biex jinħolqu impjiegi ġodda, kif ukoll il-ġlieda kontra terroriżmu (it-tnejn 31%).
Is-saħħa pubblika, u l-migrazzjoni u l-ażil, ġew fir-raba’ pożizzjoni flimkien b’27% kull waħda. Ta’ min jinnota li ċ-ċittadini tal-Ungerija u l-Polonja poġġew ‘id-demokrazija u s-saltna tad-dritt’ fuq quddiem tal-prijoritajiet tagħhom għall-Parlament (it-tieni fil-Polonja, it-tielet fl-Ungerija). Id-demokrazija u s-saltna tad-dritt bħala medja fl-UE qiegħdin fit-tmien pożizzjoni, waqt li f’Malta dawn qiegħdin fir-raba’ pożizzjoni mal-miżuri biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li s-saħħa pubblika qiegħda fis-sitt post.
Preżentazzjoni dettaljata tar-riżultati tal-istħarriġ, skedi informattivi nazzjonali, kif ukoll it-tabelli tad-data kompleta jinstabu hawn.