F’elezzjoni ġenerali lkoll immoru fil-post tal-votazzjoni u nagħmlu sinjal ħdejn isem ta’ kandidat preferut ta’ partit politiku. Huwa mument tassew b’saħħtu, fejn id-demokrazija tinsab bil-lapes f’idejna. Madankollu, hawn min joħroġ minn post ta’ votazzjoni disilluż jew frustrat. Għaliex? Għax f’elezzjoni, li jħoll u jorbot, hija l-fiduċja.

In-nuqqas ta’ fiduċja fil-politiċi, f’ċertu setturi tal-popolazzjoni f’pajjiżna, sparat ‘il fuq. Fil-fehma tiegħi, dan iħalli lill-pajjiż f’sitwazzjoni kemmxejn perikoluża fejn il-manipulazzjoni, il-veritajiet emozzjonali u l-qerq, jistgħu joktru.

Forsi wasal iż-żmien li nfakkru lilna nfusna li elezzjoni hi dwar lil min l-aktar nafdaw fit-tmun tal-pajjiż abbażi ta’ raġunijiet solidi. Naħseb li l-erba’ fatturi biex politiku jispiralek fiduċja lejh huma l-affidabbiltà, il-kompetenza, l-empatija u l-integrità.

L-affidabbiltà tiġi mill-konsistenza ta’ persuna li tagħmel dak li qalet li se twettaq maż-żmien. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa kemm taf u tħoss li inti tiddependi minn din il-persuna għal żmien fit-tul. Stajt, per eżempju, fil-passat ma qbiltx ma’ diversi politiċi bil-prinċipji tagħhom imma tal-inqas kont taf li baqgħu jħaddnuhom.

Element ieħor hija l-kompetenza. Stħarriġ politiku għandu t-tendenza li jistaqsi din il-mistoqsija lill-votanti: lil min tafda l-aktar?. Imma l-aħjar mistoqsija għandha tkun: kemm nafdaw lil xi ħadd biex jagħmel dak, dik u l-oħra? Jiġifieri kompitu speċifiku, bħal riformi fil-qasam tas-saħħa, tisħiħ fl-edukazzjoni jew is-sigurtà nazzjonali. Dan it-tip ta’ ħsieb f’kuntest iqarribna biex nanalizzaw il-kompetenza tal-persuna fil-politika.

It-tielet aspett huwa dak tal-empatija. Matul il-kriżi finanzjarja ta’ bejn l-1929 u l-1939, il-President tal-Istati Uniti Franklin D. Roosevelt għamel ftit wegħdi biex itaffi t-tbatija tal-poplu Amerikan imma ma qagħadx jilgħab bid-diskors u fisser il-qagħda tal-kriżi kif kienet verament. Permezz tax-xandiriet tiegħu fuq ir-radju, madankollu, hu wera simpatija lejn is-semmiegħa beżgħana. Huwa talab lill-poplu biex jingħaqad ħalli jeqred il-biża’. Huwa għaqqad lil diversi gruppi ta’ nies flimkien permezz tas-sinċerità u l-ġenwinità tiegħu.

Dan iġibna għar-raba’ element – l-integrità. L-integrità taqa’ għall-intenzjonijiet u l-motivi. X’jieħdu l-politiċi meta jigdbu? X’inhuma l-interessi u l-prinċipji tagħhom? Dawn jixbħu lil tiegħi? Nemmen li l-politiċi jagħmlu l-aħjar ħaġa għar-raġunijiet it-tajba?

Meta nkunu fil-privatezza fil-kamra tal-votazzjoni, bil-lapes f’idejna, ma nkunux biss qed nivvotaw. Aħna nkunu parti minn eżerċizzju kruċjali fil-fiduċja.