Il-Milied huwa festa ta’ ġenerożità, solidarjetà u għajnuna lil dawk fil-bżonn. Filwaqt li ħafna jkunu qed jistennew bil-ħerqa dan iż-żmien tas-sena, mhux l-istess jista’ jingħad għal dawk li qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja. B’differenza mill-bqija tal-popolazzjoni għall-foqra dan jaf ikun l-iktar żmien kiefer għax ma jistgħux jagħtu xi ħaġa speċjali lill-maħbubin tagħhom. Għalihom, mhu se jkun hemm l-ebda rigal u m’hemm l-ebda stennija.

Ċifri pubblikati dan l-aħħar mill-Ministeru tal-Politika Soċjali wrew li bejn l-2013 u l-2019 dawk f’riskju ta’ faqar niżlu minn 24.6 fil-mija fl-2013 għal 20.1 fil-mija. Filwaqt li m’għandniex raġuni għaliex għandna niddubitaw minn dawn iċ-ċifri, li ma jkoprux il-perjodu ta’ meta faqqgħet il-pandemija Covid-19 li ġabet staġnar ekonomiku, jista’ jkun li r-realtà hi differenti.

Dan l-aħħar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) rrakkomanda li jitwessa l-kampjun tal-popolazzjoni li fuqu tinġabar l-istatistika uffiċjali. F’rapport dwar l-isforzi tal-gvern biex jiġġieled il-faqar l-Uffiċċju irrimarka li l-NGOs jistgħu jkunu qegħdin jesperjenzaw faqar li ma jinqabadx miċ-ċifri tal-gvern. Jirriżulta li n-numru ta’ nies li jirrikorru għall-Foodbank Lifeline Foundation bħalissa huwa ta’ madwar 300, li huwa tliet darbiet aktar mill-2019. Apparti s-sensji ikkawżati fis-setturi tat-turiżmu u dak tal-attivitajiet kulturali li twaqqfu minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, iż-żieda fir-rati tal-kiri tal-propjetà hija waħda mill-raġunijiet ewlenin. Hemm ukoll sinjali inkwetanti li l-affordabbiltà tad-djar qed twassal biex xi wħud ma jkollhomx saqaf fuq rashom.

L-NAO ġibdet l-attenzjoni li l-informazzjoni dwar il-faqar f’Malta qed tinġabar minn fost dawk li jgħixu fid-djar privati. Konsegwentement, persuni li jgħixu fi djar jew istituzzjonijiet, bħal sptarijiet, djar tal-anzjani, djar residenzjali, faċilitajiet korrettivi, dawk li huma bla dar, immigranti li jgħixu f’ċentri magħluqa jew miftuħa, u dawk li jfittxu ażil li ma laħqux il-kriterji ta’ sitt xhur residenza huma esklużi minn din l-istatistika. Madankollu, din il-metodoloġija hija perfettament konformi mal-linji gwida tal-UE. Jekk il-gvern u tabilħaqq l-UE jridu jindirizzaw il-faqar bis-saħħa kollha din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata.

F’dan il-kuntest UHM Voice of the Workers ma tistax ma tappoġġjax l-isforzi u l-inizjattivi kollha fil-ġlieda kontra l-faqar sew permezz ta’ foodbanks u organizzazzjonijiet filantropiċi iżda wkoll sforzi biex jindirizzaw l-għeruq tal-problema permezz ta’ policies u miżuri soċjali.