Minkejja li għandhom rwol ewlieni fil-ħarsien tal-istandards tas-saħħa pubblika u anki fil-ġlieda kontra l-Covid-19, l-uffiċjali tas-saħħa ambjentali (environmental health officers) jinsabu mħassba dwar il-futur tagħhom minħabba sinjali li dan is-settur mhux qed jingħata l-prijorità li jistħoqqlu mill-gvern.

“Filwaqt li għandna bżonn urġenti ta’ investiment bħal laboratorju akkreditat f’Malta, ftit li xejn qed ikun hemm sforz biex jissaħħaħ l-ispettorat tagħna hekk kif ix-xogħol u r-responsabbiltajiet qed jiżdiedu,” uffiċjali tas-saħħa ambjentali qalu lil Voice of the Workers Weekly.

L-ispettorat li jgħodd mal-mitt uffiċjal jaqa’ taħt is-Sovrintendenza għas-Saħħa Pubblika.

L-uffiċjali qed jibżgħu li l-ispettorat qed jiżżarma bil-mod il-mod hekk kif qed jiġu assenjati dmirijiet ġodda barra mir-responsabbiltajiet ewlenin tagħhom, filwaqt li qed ikunu traskurati funzjonijiet aktar importanti.

Inizjalment, id-dmirijiet tagħhom ġew estiżi biex jinkludu spezzjonijiet fl-iskejjel dwar il-healthy eating policy, u sussegwentement ġew assenjati responsabbiltajiet ġodda taħt l-Att li Jikkordina l-Ispezzjonijiet tal-Gvern.

“Uffiċjali tas-saħħa ambjentali huma mistennija li jieħdu t-tmexxija waqt spezzjonijiet, anke fuq kwistjonijiet li mhumiex relatati mal-kompetenza akkademika tagħhom bħal kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema, sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-marka CE fuq il-ġugarelli. Spezzjoni waħda li qabel kienet tieħu 20 minuta, qed tieħu s-sigħat biex titwettaq peress li ngħatajna lista twila ħafna x’nispezzjonaw,” irrimarkaw l-uffiċjali.

Konsegwentement, responsabbiltajiet ewlenin bħal spezzjonijiet għal għarrieda fi stabbilimenti tal-ikel m’għadhomx jingħataw daqstant importanza. Il-ħin li fadal jippermetti biss li jkunu indirizzati każijiet urġenti bħal avvelenament mill-ikel jew ilmenti mill-pubbliku.

Uffiċjali tas-saħħa ambjentali huma wkoll urtati minn sensiela ta’ deċiżjonijiet tal-gvern li qed iwasslu biex l-impjegati jitilqu waqt li jagħmluha diffiċli biex ikunu attirati ħaddiema ġodda. Dawn jinkludu l-projbizzjoni milli jagħmlu xogħol part-time, il-projbizzjoni tal-overtime għal senior principles fi Skala 6, u d-dewmien fil-ħlas tas-sahra lil dawk li huma eliġibbli. Kwistjoni oħra hija l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema bħala “high risk” fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika għax dan jorbothom milli jagħmlu xogħol simili f’dan il-qasam fis-settur privat sa sentejn wara li jitilqu mill-ispettorat.

“Dan il-futur imċajpar qed iwassal biex qed nitilfu n-nies waqt li mhux qed isir biżżejjed biex ikun attirat demm ġdid,” huma qalu.

Sadanittant, fl-aħħar snin ftit li xejn kien hemm investiment f’tagħmir ġdid waqt li l-apparat eżistenti m’għadux jiġi kkalibrat fuq bażi regolari. Barra minn hekk, bħalissa m’hemm l-ebda laboratorju akkreditat f’Malta, li jfisser li l-kampjuni qed ikollhom  jintbagħtu barra mill-pajjiż għall-ittestjar. Minbarra li jdewwem l-investigazzjonijiet dan ifisser ukoll spiża addizzjonali. Uffiċjali lmentaw ukoll li ċertu reklutaġġ li kien imwiegħed snin ilu għadu ma seħħx.

Mal-bidu tal-pandemija tal-Covid-19 l-uffiċjali kellhom jadattaw għal realtà ġdida li fissret aktar dmirijiet bħall-infurzar tal-kwarantina, osservanza ta’ protokolli maħruġa mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, kontroll tad-dokumentazzjoni tal-passiġġieri li jidħlu Malta, u osservanza tal-avviżi legali kollha .

Madankollu, din il-ħidma mportanti fil-ġlieda kontra l-pandemija mhux qed tingħata promozzjoni mal-pubbliku, minkejja li l-uffiċjali offrew li jipproduċu materjal promozzjonali huma stess.

Għalkemm dawn il-kwistjonijiet kienu riferuti żmien ilu lill-ministeru tas-saħħa, s’issa ftit li xejn ittieħdu passi.  “Jidher li l-ispettorat m’għadux prijorità għax it-tħassib tagħna mhux qed jingħata widen,” l-uffiċjali stqarrew.  Dan is-sentiment kompla jiżdied wara t-tibdil fil-Kabinett li sar dan l-aħħar għax għadu mhux ċar jekk l-ispettorat jaqax taħt il-ministeru tas-saħħa jew il-ministeru tal-agrikoltura u s-sajd.

“Sal-lum għadna qed nistennew spjegazzjoni bil-miktub dwar dan. Filwaqt li nifhmu li jista’ jkun hemm bżonn tibdil  fl-ispettorat, nistennew li nkunu konsultati f’każ ta’ bidliet drastiċi,” l-uffiċjali sostnew.

Il-Malta Environmental Health Officers Association u l-UHM Voice of the Workers li tirrappreżentaha fuq kwistjonijiet ta’ relazzjonijiet industrijali, jinsabu mħassba dwar is-sitwazzjoni u se jkunu qed ifittxu li jkollhom taħdidiet mal-awtoritajiet konċernati biex isibu soluzzjoni.