Il-bilanċ bejn min iħaddem u l-unions
F’pajjiżi demokratiċi jeżisti l-proċess tad-djalogu soċjali bejn il-Gvern, min iħaddem u l-ħaddiema. Ħafna għandhom l-impressjoni li l-unions huma tal-ħaddiema imma min iħaddem ukoll għandhom il-unions li jirrappreżentawhom. Ir-rilevanza tal-unions illum toħroġ mill-fatt li la min iħaddem iħoss li għandu bżonn ikun f’union, aħseb u ara l-ħaddiem kemm għandu jassoċja lilu nnifsu f’għaqda tal-ħaddiema. Dan kollu qed jagħti raġuni għaliex ħaddiem għandu jkun f’union. B’hekk il-miżien jibqa’ ibbilanċjat bejn il-ħaddiema u min iħaddem.
Il-unions illum qed jibbażaw il-ħidma tagħhom fuq is-servizzi – dawk kollettivi u oħrajn settorali. Il-unions ma jħarsux biss lejn is-salarji tal-ħaddiema u jieqfu hemm imma jagħtu importanza lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Ir-rilevanza tal-unions għadha hemm u tibqa’ bżonnjuża tant li jridu jibqgħu jkunu l-vuċi tal-ħaddiema.
Ħafna mill-ħaddiema jitkellmu fuq dak li hu tagħhom u jirrikorru għand il-unions sabiex jiksbu dak li ħaqqhom skont dak li hu mniżżel fil-ftehim kollettiv. Xogħol il-unions hu li jiddefendu l-membri tagħhom u jekk ikun hemm ksur fil-ftehim kollettiv irid ikun hemm rimedju.
Malli ftehim kollettiv ikun iffirmat, irid ikun il-management li jinfurzah u jara li dan ma jixxellifx. It-tmexxija ta’ post tax-xogħol hi f’idejn il-management. Wieħed irid jara x’tip ta’ atmosefera qed tinħoloq fil-post tax-xogħol u din trid issir mill-management mhux mill-union. Mhux kulmin għandu titlu ta’ manager ifisser li jaf imexxi. Hawn nies li huma managers u m’għandhom ebda idea assoluta ta’ kif imexxu azjenda. Meta manager ma jinfurzax, tintilef il-motivazzjoni fost il-ħaddiema. Meta l-management ta’ post tax-xogħol ikun dgħajjef, jinħolqu l-problemi.
Irid ikun hemm il-bilanċ bejn min iħaddem u l-ħaddiema sabiex ikun hemm ambjent pjaċevoli. Il-management irid ikun pożittiv mal-ħaddiema filwaqt li jagħtihom direzzjoni. Jekk il-ħaddiema jkunu mmexxija mill-bogħod, il-management ikun maqtugħ u l-ħaddiema ma jħossuhx magħhom. Imma meta l-management ikun mal-ħaddiema, il-produzzjoni tkun akbar.
Tmexxija tajba u ħidma f’tim huma żewġ fatturi kruċjali li jwasslu għal suċċess fil-post tax-xogħol. Sehem il-unions iseħħ meta jinqalgħu kwistjonijiet individwali li mbagħad jiġu diskussi, kemm jista’ jkun, b’mod raġunat madwar il-mejda.