Il-Bank Ċentrali Ewropew iwiegħed li se jiġġieled l-għoli tal-ħajja
Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar żidiet futuri fl-imgħax, filwaqt li l-MPE esprimew tħassib dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, u r-rati tal-ipoteki.
Matul it-tielet smigħ din is-sena mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde, il-MPE fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji ddiskutew kif tiġi evitata l-frammentazzjoni bejn l-istati membri u titnaqqas l-inflazzjoni b’mod uniformi fiż-żona tal-euro. Il-MPE ffukaw fuq kif se jitħaddem l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trażmissjoni, (TPI) li għandu l-għan li jiżgura li l-politika monetarja tal-BĊE tiġi applikata b’mod effettiv fil-membri kollha taż-żona tal-euro biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-MPE staqsew kif il-BĊE se jiddeċiedi l-eliġibilità ta’ pajjiż għax-xiri tal-assi u staqsew jekk ix-xiri tad-dejn ta’ pajjiżi b’dejn kbir jistax iqajjem l-inflazzjoni u jinkoraġġixxi li jittieħdu riskji esaġerati. Il-President qalet li t-TPI hu maħsub biex tiżgura li l-politika monetarja tal-BĊE tiġi implimentata kif suppost, permezz ta’ azzjoni mmirata f’pajjiżi li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà (konformità mal-qafas fiskali tal-UE, assenza ta’ żbilanċi makro-ekonomiċi severi, dejn pubbliku sostenibbli u politika makro-ekonomika soda u sostenibbli).
Enerġija u ikel
Fost iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel kif ukoll żidiet fir-rati tal-imgħax, il-MPE staqsew dwar l-inflazzjoni ta’ nofs it-terminu u l-prospetti tat-tkabbir, iż-żidiet imbassar fir-rati, kif ukoll azzjoni possibbli kontra r-rati tal-imgħax fuq l-ipoteki li qed jogħlew.
Is-Sinjura Lagarde enfasizzat l-ambjent estremament ta’ sfida u l-inċertezza fit-tbassir tal-BĊE, b’aspettattivi varji ta’ inflazzjoni u riċessjoni ta’ nofs it-terminu. F’dan il-kuntest, saħqet li l-ġlieda kontra l-inflazzjoni hija essenzjali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja. Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet dwar iż-żidiet fir-rati, hija spjegat li għad iridu jsiru aktar sakemm tinkiseb politika monetarja newtrali li la tistimula u lanqas tissikka l-ekonomija u ma tgħollix l-inflazzjoni.
Meta indirizza t-tħassib tal-MPE dwar l-azzjonijiet tal-gvernijiet li jirriflettu l-politika tal-BĊE, il-President enfasizzat il-ħtieġa għal miżuri temporanji, imfassla apposta u mmirati mill-istati membri biex jgħinu liċ-ċittadini vulnerabbli. L-aġenziji nazzjonali għandhom jieħdu azzjonijiet protettivi kontra ż-żieda fir-rati tal-imgħax fuq l-ipoteki u l-banek li jgħaddu l-ispejjeż tagħhom lil min jissellef, temmet tgħid.