Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment il-proġett tar-rinnovazzjoni tal-kwartieri tal-UHM Voice of the Workers f’ċerimonja li saret il-Ħamis 29 ta’ Settembru li meta tfakkar ukoll is-56 anniversarju tal-unjin.

Il-proġett li twieled fl-2015 ra t-trasformazzjoni tas-sede tal-union fi Triq San Tumas fil-Furjana għal bini modern mgħammar b’uffiċini ġodda, klassijiet, sala tal-konferenzi u sala bl-aħħar faċilitajiet awdjoviżivi inkluż tagħmir għal streaming fuq l-internet.

Fl-indirizz tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella tkellem dwar l-importanza tad-demokrazija industrijali filwaqt li enfasizza li t-trejdjunjins għandhom jistinkaw biex iħarsu l-awtonomija tagħhom filwaqt li jaġixxu b’mod responsabbli.

“Jfisser li żżur is-salott tal-partijiet soċjali u politiċi kollha iżda mhux il-kamra tas-sodda,” qal Vella. Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM irrimarka kif matul l-istorja tagħha l-unjin dejjem aġixxiet b’mod responsabbli u kienet proattiva bħad-dibattitu li għaddej dwar il-mekkaniżmu COLA. Minflok ma ħadet vantaġġ miċ-ċirkostanzi biex tqanqal l-inkwiet fil-pajjiż ħarġet b’soluzzjoni li kienet diskussa ma’ unjins oħra sal-punt sar front magħqud dwar din il-kwistjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar lill-unjin inizjattivi tagħha fuq kwistjonijiet bħas-suq tax-xogħol li wasslu biex uħud mill-proposti tagħha bħat-tapering tal-benefiċċji jiġu aċċettati mill-gvern. Irrefera wkoll għall-baġit li ġej u qal li l-gvern m’għandu intenzjoni li jieħu xi miżuri ta’ awsterità.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-UHM biex tkun il-vuċi ta’ ħaddiema vulnerabbli filwaqt li tidħol fi djalogu soċjali ġenwin. Min-naħa l-oħra, qal li l-ħaddiema għandhom iħallsu t-taxxi u ma jaqgħux fin-nasba tal-ekonomija s-sewda.

Id-Direttur tal-UHM Mario Sacco tkellem dwar ir-rwol kruċjali li kellu l-kwartieri tal-UHM fl-istorja tagħha. Matul is-snin dan il-bini ġie estiż permezz ta’ sulari addizzjonali, irranġat diversi drabi u tkabbar permezz ta’ propjetà biswit. Minn perspettiva soċjali dan il-bini kien xhieda ta’ diversi ġlidiet li l-unjin kellha fil-missjoni tagħha li tissalvagwardja u ttejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema. Barra minn hekk, dan il-bini se jservi wkoll bħala faċilità edukattiva minn fejn l-unjin tagħti korsijiet edukattivi u ta’ żvilupp tal-karriera.

Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett ambizzjuż bdew fl-2019 u kienu jinkludu xogħlijiet infrastrutturali biex il-post tfassal b’mod kompletament differenti u titjieb l-aċċessibbiltà. Dan kien ifisser it-twaqqigħ ta’ partijiet tal-bini bħat-taraġ, it-twaqqigħ tal-ħitan u l-installazzjoni ta’ servizzi ġodda.

Apparti l-uffiċċji għall-istaff tal-UHM, il-post huwa mgħammar b’sala tal-konferenzi moderna u sala oħra b’tagħmir li se jippermetti lill-unjin isaħħaħ il-preżenza tagħha fuq il-midja soċjali. Barra minn hekk, il-kwartieri ġenerali l-ġodda għandhom spazju biżżejjed biex jospitaw laqgħat minn dawk individwali għal gruppi akbar.

Il-UHM oriġinarjament kienet ibbażata f’uffiċċju żgħir fil-Belt Valletta u kien fl-1989 meta marret fil-post preżenti fil-Furjana minħabba t-tkabbir fil-membri.