Il-Kummissjoni Ewropea reċentement ipproponiet Regolament tal-Kunsill biex tindirizza ż-żidiet drammatiċi fil-prezzijiet tal-enerġija fl-UE. Il-proposta hija mmirata biex ittaffi l-pressjoni fuq id-djar u n-negozji.

Xi wħud mill-miżuri proposti jinkludu t-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku b’mill-inqas 5% fil-peak hours u d-domanda ġenerali għall-elettriku b’mill-inqas 10% sal-aħħar ta’ Marzu 2023.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll limitu ta’ dħul temporanju fuq il-produtturi tal-elettriku b’teknoloġiji bi spejjeż aktar baxxi, bħar-rinnovabbli, li jipprovdu l-elettriku bi spiża taħt il-livell tal-prezz stabbilit mill-produtturi ‘marġinali’.

It-tielet, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà fuq profitti żejda ġġenerati minn attivitajiet fis-setturi taż-żejt, tal-gass, tal-faħam u tar-raffineriji li mhumiex koperti minn capping ta’ produtturimarġinali.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tespandi l-Kaxxa tal-Għodda tal-Prezzijiet tal-Enerġija biex tippermetti prezzijiet tal-elettriku regolati taħt l-ispiża għall-ewwel darba, u tespandi l-prezzijiet regolati biex ikopru wkoll intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-proposta hija waħda minn bosta inizjattivi li qed jittieħdu biex jitbaxxa l-prezz tal-gass, u jiġi riformat it-tfassil tas-suq tal-elettriku għal żmien itwal.