Il-Parlament ikkundanna l-isforzi “deliberati u sistematiċi tal-gvern Ungeriż” biex jimmina l-valuri Ewropej u jitlob riżultati fil-proċess tal-Artikolu 7. In-nuqqas ta’ azzjoni deċiżiva tal-UE kkontribwixxa għall-ħolqien ta’ “reġim ibridu ta’ awtokrazija elettorali”, jiġifieri sistema kostituzzjonali li fiha jseħħu l-elezzjonijiet, iżda r-rispett għan-normi u l-istandards demokratiċi huwa assenti, jgħidu l-MPE.

Ir-rapport adottat b’433 vot favur, 123 kontra u 28 astensjoni, jibni fuq dak li bih il-Parlament ta bidu għall-proċedura tal-Artikolu 7 fl-2018, biex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fit-12-il qasam ta’ tħassib tal-Parlament. B’hekk juri kif il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattati tal-UE, inklużi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fil-pajjiż komplew jiddeterjoraw mill-2018, permezz tal-“isforzi deliberati u sistematiċi tal-gvern Ungeriż”, u aggravati min-nuqqas ta’ azzjoni tal-UE.

L-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jaġixxu u għandhom jinżammu responsabbli wkoll

Il-Parlament jiddeplora l-inabbiltà tal-Kunsill li jagħmel progress sinifikanti fil-ġlieda kontra r-rigress demokratiku. Il-MPE jenfasizzaw li l-Artikolu 7(1) ma jirrikjedix unanimità fost l-Istati Membri biex jiġi identifikat riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri tal-UE, u lanqas biex jinħarġu rakkomandazzjonijiet u skadenzi konkreti. Huma jgħidu li kwalunkwe dewmien ulterjuri fl-azzjoni skont ir-regoli tal-Artikolu 7 biex jiġu protetti l-valuri tal-UE fl-Ungerija jammonta għal ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt mill-Kunsill innifsu.

Il-MPE jħeġġu lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodod kollha li għandha u, b’mod partikolari, mir-regolament dwar il- kundizzjonalità baġitarja. Fi żmien meta l-valuri tal-UE huma partikolarment mhedda mill-gwerra Russa kontra l-Ukrajna u l-azzjonijiet tagħha kontra l-UE, huma jappellaw ukoll lill-Kummissjoni biex:

  • toqgħod lura milli tapprova l-pjan Ungeriż dwar l-RRF sakemm l-Ungerija tkun ikkonformat bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti kollha tas-Semestru Ewropew u tkun implimentat is-sentenzi rilevanti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
  • teskludi mill-finanzjament dawk il-programmi ta’ koeżjoni li jikkontribwixxu għall-użu ħażin tal-fondi tal-UE jew għall-ksur tal-istat tad-dritt; u
  • l-applikazzjoni tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u r-Regolament Finanzjarju b’mod aktar strett sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe użu ħażin tal-fondi tal-UE għal raġunijiet politiċi.

L-indipendenza tal-ġudikatura, il-korruzzjoni u l-libertajiet tal-bniedem jibqgħu t-tħassib ewlenin tal-PE

Erba’ snin wara r-rapport li beda l-proċess tal-Artikolu 7, il-MPE jibqgħu mħassba dwar diversi oqsma politiċi li jikkonċernaw id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija. Uħud mill-oqsma ewlenin huma l-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali u elettorali tagħha, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess u l-libertà tal-espressjoni, inkluż il-pluraliżmu tal-midja. Il-libertà akkademika, il-libertà tar-reliġjon, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għal trattament ugwali, inklużi d-drittijiet LGBTIQ, id-drittijiet tal-minoranzi, kif ukoll dawk tal-migranti, dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati, huma problematiċi wkoll.