Il-UHM Voice of the Workers wissiet li jekk mhux se jkunu preżentati proposti adegwati li verament jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema fl-Università ta’ Malta, se tkun qed tkompli bid-direttivi u mhux eskluż li dawn jiħraxu.

Dan qed jintqal fl-isfond tal-fatt li l-kontroproposti li ġew preżentati nhar il-Ħamis mit-tmexxija tal-Università u mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, kienu fqar għall-aħħar u ferm inqas minn dak li qed jitolbu l-ħaddiema. Voice of the Workers Weekly tinsab infurmata li fost il-ħaddiema hemm sentiment ta’ rabja għall-mod kif qed ikunu trattati t-talbiet tagħhom fuq dan il-ftehim kollettiv li ilu li skada mill-2021.

Il-UHM qed tgħid li jekk verament hemm rieda tajba biex tinstab soluzzjoni, tistenna li jitressqu proposti ġenwini u mhux sempliċiment proposti intenzjonati biex jipprovaw imewtu l-kwistjoni.

Dan il-ftehim kollettiv jolqot aktar minn 900 ħaddiem fi gradi differenti. Sfortunatament, jidher li kemm it-tmexxija tal-Università kif ukoll il-Ministeru tal-Edukazzjoni ftit li xejn kellhom ħeġġa li tittieħed azzjoni u kien biss wara ġimgħa ta’ direttivi li bdew jiċċaqilqu l-affarijiet.

Il-kategoriji ta’ ħaddiema milquta huma dawk  amministrattivi, tekniċi u industrijali. Id-direttivi daħlu fis-seħħ fil-5 ta’ Jannar b’riżultat ta’ tilwima industrijali li kienet reġistrata fis-27 ta’ Novembru li għadda.

L-azzjoni tal-UHM sabet l-appoġġ kemm tal-fergħa studenteska tal-Moviment Graffitti kif ukoll tal-Assoċjazzjoni tal-Istaff Akkademiku fl-Università (UMASA).

Fi stqarrija l-Moviment Graffitti qal li l-kritika għandha tkun indirizzata lejn l-Università u l-Ministeru tal-Edukazzjoni għad-dewmien biex jingħalaq il-ftehim kollettiv. Intqal li dan qed jolqot ħażin lill-ħaddiema kif ukoll lill-istudenti. Il-Moviment qal li fis-sitwazzjoni preżenti ta’ għoli tal-ħajja il-kwistjoni għandhom tkun indirizzata b’mod urġenti.

Il-UHM qed tgħid li tinsab miftuħa biex tpoġġi mal-mejda tan-negozjati, iżda qed tagħmilha ċara li biex dan isir irid ikun hemm rieda ġenwina min-naħa l-oħra.

L-union qed tappella kemm lit-tmexxija tal-Università kif ukoll lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jagħtu l-importanza mistħoqqa lill-ħaddiema ta’ din l-istituzzjoni terzjarja li hi kruċjali għall-iżvilupp tal-ħiliet taż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna.