F’seba’ snin biss in-numru ta’ sewwieqa barranin li  ngħataw il-liċenzja biex isuqu fit-toroq Maltin żdied b’aktar minn 37,000 li jfisser żieda ta’ 17 kuljum. Iżda fix-xahar ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali – il-medja irdoppjat hekk kif inħarġu aktar minn 1,000 liċenzja lis-sewwieqa barranin.

Dawn iċ-ċifri x’aktarx iqanqlu aktar dibattitu dwar l-impatt taż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tal-pajjiż li qed tpoġġi pressjoni qawwija fuq l-infrastruttura, mhux l-inqas is-sitwazzjoni tat-traffiku. Barra minn hekk, uħud minn dawn iċ-ċifri iqanqlu tħassib serju fl-isfond tal-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan li kienet żvelat f’Settembru tas-sena li għaddiet. L-iskandlu kien wassal għal numru ta’ arresti, u sussegwentement inħarġu akkużi kontra diversi uffiċjali ta’ Transport Malta. Il-każ bħalissa jinsabu fl-istadju tal-kumpilazzjoni.

Messaġġi fuq WhatsApp li kienu pubblikati minn Times of Malta wrew kif uffiċjali tar-regolatur tat-trasport kienu involuti f’ċirku biex iqassmu liċenzji tas-sewqan lill-ċertu nies skont il-konnessjonijiet politiċi tagħhom. F’każ minnhom, persuna li tħaddem ċittadini minn pajjiżi terzi li kienu ġew Malta jfittxu impjieg, talab li l-applikazzjoni tagħhom titħaffef.

Apparti dan l-iskandlu, id-Deputat tal-Oppożizzjoni Adrian Delia s-sena l-oħra kien wera kif  il-Y-plates f’daqqa waħda kienu qed jinħarġu b’mijiet, lil persuni bi kredenzjali dubjużi. Din is-sitwazzjoni laxka wasslet biex toroq Maltin imtlew b’vetturi bil-Y-plate, fost ilmenti ta’ parkeġġ illegali u nuqqas ta’ faċilitajiet fejn dawn il-karozzi jinżammu bil-lejl skont kif titlob il-liġi.

Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Charles Azzopardi dan l-aħħar talab lill-Ministru tat-Trasport Chris Bonett statistika dwar in-numru ta’ liċenzji tas-sewqan ġodda maħruġa lill-barranin. Jirriżulta li bejn l-2017 u l-11 ta’ Jannar ta’ din is-sena, inħarġu 36,880 dokument bħal dan.

Iċ-ċifra hija sinifikanti ħafna meta mqabbla mal-popolazzjoni tal-gżira li sa għaxar snin ilu kienet ta’ 400,000. Qabża bħal din bla dubju titfa’ taħt il-lenti l-politika ekonomika tal-gvern, li mill-2013 kienet primarjament immirata lejn l-importazzjoni ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Filwaqt li dan żied il-konsum u t-tkabbir ekonomiku, irriżulta fi pressjoni kbira fuq l-infrastruttura tal-pajjiż fosthom it-toroq. Konsegwentement, anke żoni li sa ftit snin ilu kienu meqjusa bħala kwieti bħall-Imġarr, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, ir-Rabat u Ħal Luqa qed jesperjenzaw żieda fit-traffiku bla preċedent u ta’ kuljum. Għalkemm il-gvern ipprova jtaffi s-sitwazzjoni permezz tai titjib fil-junctions u servizz b’xejn tal-karozzi tal-linja, miżuri bħal dawn madankollu mhumiex ilaħħqu mad-domanda.