Minn hawn u sitt xhur oħra il-poplu Malti se jkun imsejjaħ biex jivvota għas-sitt rappreżentanti fil-Parlament Ewropew iżda wkoll biex jagħżel il-kunsilliera lokali. Is-sistema tal-gvern lokali tagħna ilha stabbilita għal 30 sena, li matulhom għaddiet minn diversi stadji ta’ żvilupp. Beda bħala esperiment fid-devoluzzjoni tal-poter, wara snin twal ta’ amministrazzjoni ċentralizzata fejn il-politiċi kellhom il-poter kważi assolut bi ftit li xejn vuċi lin-nies.

Minkejja x-xettiċiżmu tal-ewwel żminijiet li kien imkebbes minn dawk li kienu jemmnu li għal pajjiż daqs Malta dan kien biss gimmick politiku – hemm element ta’ verità f’dan bis-saħħa tal-fatt li hemm xejn inqas minn 68 kunsill – dan l-esperiment kien pass pożittiv. Ftit ftit, il-kunsilli ngħataw aktar poteri u bdew jagħmlu d-differenza fil-livell tal-komunità kemm permezz ta’ xogħlijiet ta’ tat-toroq, tisbiħ, appoġġ lill-NGOs lokali u l-għoti ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi. Kien hemm żmien fejn anke morna pass oltre– forsi wisq – bil-ħolqien ta’ kumitati amministrattivi li kienu livell taħt il-kunsilli biex jamministraw zoni speċifiċi fi ħdan l-irħula. Madankollu, filwaqt li wħud minn dawn il-kumitati qatt ma ħadmu sew minħabba nuqqas ta’ interess, kien hemm uħud li kienu suċċess.

Għaddew is-snin u jidher li l-kunsilli għaddejjin minn żmien xejn feliċi. Filwaqt li l-kumitati amministrattivi ġew xolti għaxar snin ilu – anke dawk li kienu qed jiksbu suċċess – il-kunsilli tnaqqsulhom il-poteri tagħhom bir-riżultat li għandhom ħafna inqas saħħa minn qabel. Xi wħud jistgħu jargumentaw li mhix ta’ b’xejn, li l-interess fil-kunsilli lokali naqas. Dan filwaqt li hekk ikun hemm ilmenti li l-kunsilli qed jiġu injorati jew imwarrba mill-gvern ċentrali. Dan kien qed jiġri ripetutament fuq kwistjonijiet bħal tindif pubbliku, xogħlijiet fit-toroq u applikazzjonijiet għall-iżvilupp.

Meta ninsabu ftit xhur biss għall-elezzjonijiet lokali, hemm sinjali inkwetanti fuq diversi fronti. Il-parteċipazzjoni għal dawn l-elezzjonijiet ilha tonqos snin, filwaqt li l-partiti politiċi qed ibatu biex isibu kandidati. Fl-istess ħin numru sinifikanti ta’ kunsillieri diġà ħabbru l-intenzjoni tagħhom li ma jikkontestawx. Il-messaġġ hu ċar kristall. L-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2024 jistgħu iwasslu biex tkun esposta kriżi eżistenzjali fis-sistema tal-gvern lokali ta’ Malta. B’din ir-rata, hemm riskju potenzjali li s-sistema ma tibqax tiffunzjona, jew li tant ikun hemm għażla fqira ta’ kandidati li persuni bi kwalitajiet dubjużi jispiċċaw fit-tmexxija.

Is-sitwazzjoni titlob analiżi profonda u mhux għal xi deċiżjoni mgħaġġla. Mekkaniżmi tal-ġeneru, jew li jkollok sindki ta’ 16-il sena huma biss miżuri ta’ paniku jew għaġġla. Jista’ jkun ukoll li din is-sitwazzjoni ġibniha b’idejna. Ta’ min wieħed jistaqsi jekk dan hux ir-riżultat ta’ snin sħaħ li matulhom herrejna l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż billi tpoġġew nies li lesti joqgħodu għal kollox minflok  ċittadini onesti li jemmnu u jiġġieldu għall-valuri tas-sewwa. Wara kollox, bħal ma kien qal Thomas Jefferson darba il-poplu jagħżel dak  il-gvern li jixraqlu.