Id-dritt tat-tfal li jinstemgħu
Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal hi l-aktar strument ratifikat fil-liġi internazzjonali u għandha kontenut sostanzjali li jipprovdi drittijiet ċivili, politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Id-dritt tat-tfal li jinstemgħu jkopri l-kunċett ta’ tfal li jkunu kapaċi jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jaffettwaw lil ħajjithom. Il-Konvenzjoni tafferma li t-tfal huma kapaċi jieħdu deċiżjonijiet u jifformaw opinjonijiet b’modi progressivi skont il-kapaċitajiet li qed jevolvu, l-esperjenza, l-iżvilupp, il-kultura, skont kif jaraw id-dinja u fatturi oħrajn.
Madankollu, ikun żball li wieħed jaħseb li d-dritt għall-parteċipazzjoni, kif spjegat fil-Konvenzjoni, hu biżżejjed biex tiġi assigurata parteċipazzjoni sinifikanti tat-tfal fis-soċjeta’ tagħna. Riċerkaturi jissuġġerixxu li minkejja l-opportunitajiet li hemm għat-tfal biex jipparteċipaw, il-valuri kulturali u s-sistemi politiċi huma fatturi li jillimitaw u jdgħajfu l-abbiltajiet tagħhom biex ikunu parti mill-proċessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Hawn tfal li jixtiequ jipparteċipaw imma ma jitkellmux għax jibżgħu li jaqgħu għaċ-ċajt jew li jiġu mċanfra mill-adulti. Għaldaqstant joqogħdu lura milli jressqu ħsibijiethom fil-beraħ jew jonqsu milli jesprimu ruħhom dwar kwistjonijiet li jolqtuhom fil-laħam il-ħaj.
Kif nistgħu nirriversjaw din is-sitwazzjoni? Jien naħseb li l-promozzjoni fil-parteċipazzjoni tat-tfal teħtieġ impenn soċjali u azzjoni biex din isseħħ. Is-soċjeta’ għandha tkun iżjed edukata biex tibdel it-twemmin, l-attitudnijiet u l-prattiċi kif ukoll tippromwovi s-sehem importanti tat-tfal ibbażat fuq l-ugwaljanza, il-fiduċja u r-rispett reċiproku.
It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom il-ħeġġa biex isawru l-abbiltajiet tagħhom ħalli jinfluwenzaw u jisfidaw bl-ideat lil min hu tamparhom, lill-komunita’ u lill-pajjiż b’mod sħiħ. Madankollu, it-tfal iridu jitħallew fil-liberta’ u jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jesprimu ruħhom.
Illum l-adulti għandhom jisimgħu lit-tfal aktar minn qatt qabel. It-tfal tal-lum tabilħaqq jissorprenduna bl-ideat u bil-perċezzjonijiet tagħhom dwar il-ħajja!