Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi fost iż-żgħażagħ fl-UE
Il-Kummissjoni Ewropea reċentement ippubblikat l-aħħar edizzjoni tal-Employment and Social Developments in Europe (ESDE) Quarterly Review, b’enfasi fuq id-differenza fil-pagi bejn is-sessi fost il-ħaddiema żgħażagħ, fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022.
Din ir-Reviżjoni Trimestrali turi li n-nisa żgħażagħ, ta’ bejn il-25 u d-29 sena, jiffaċċjaw differenza mhux aġġustata fil-pagi bejn is-sessi ta’ 7.2% fil-bidu tal-karrieri professjonali tagħhom fis-suq tax-xogħol tal-UE.
Madankollu, ir-reviżjoni tinnota li d-differenzi fil-pagi bejn nisa u rġiel żgħażagħ huma diffiċli biex jiġu spjegati abbażi tad-data disponibbli u s-sitwazzjoni tvarja konsiderevolment f’pajjiżi differenti. Barra minn hekk, ċerti differenzi fil-karatteristiċi tal-ħaddiema jammontaw għal differenzi sostanzjali fil-pagi. Pereżempju, l-irġiel żgħażagħ għandhom it-tendenza li jaqilgħu aktar minħabba li jaħdmu f’attivitajiet ekonomiċi mħallsa ogħla filwaqt li n-nisa żgħażagħ jaqilgħu pagi ogħla minħabba li huma edukati aħjar.
It-tnaqqis tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi hija prijorità għall-Kummissjoni Ewropea. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva dwar paga ugwali għal xogħol ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza tal-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar. Din il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.