Iċ-Ċensiment tal-Agrikoltura juri kif il-biedja f’Malta qed tiċkien
Il-biedja f’Malta kompliet tnaqqs mill-importanza tagħha hekk kif fl-aħħar għaxar snin in-numru ta’ azjendi naqas b’mod sinifikanti waqt li l-art li mhux qed tinħadem żdiedet bi kważi nofs.
Dawn ix-xejriet ħarġu mir-riżultati taċ-Ċensiment tal-Agrikoltura tal-2020 li ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan l-eżerċizzju jsir fil-bidu ta’ kull għaxar snin bil-għan li jittieħed kont tal-attivitajiet li jsiru mill-azjendi agrikoli lokali; kif ukoll biex tanalizza l-bidliet li seta’ kien hemm f’dan is-settur matul din il-medda ta’ żmien. Ir-riżultati taċ-ċensiment huma maħsuba biex jidentifikaw u jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi permezz ta’ miżuri ta’ politika mfassla apposta li jikkonċernaw dan is-settur; kif ukoll għal kull skop ta’ ppjanar u appoġġ li jista’ jkun meħtieġ matul is-snin.
Is-sejbiet ewlenin
- Fl-aħħar għaxar snin, kien hemm tnaqqis ġenerali fi kważi l-indikaturi statistiċi kollha In-numru ta’ azjendi agrikoli naqas b’16.2% minn 12,268 fl-2010 għal 10,281 fl-2020.
- Iż-żona agrikola utilizzata naqset b’6.2% minn 11,445 ettaru fl-2010 għal 10,731 ettaru fl-2020, filwaqt li ż-żona agrikola mhux maħduma żdiedet bi 43%, minn 242 ettaru fl-2010 għal 346 ettaru fl-2020.
- Il-ħaddiema naqsu b’26.7%, minn 18,212 fl-2010 għal 13,341 persuna fl-2020, għalkemm dawk li ħadmu aktar minn 1,800 siegħa fis-sena, żdiedu bi 38.2%, minn 1,300 persuna fl-2010 għal 1,797 persuna għal 1,7202 persuna.
- Kien hemm tnaqqis ta’ 43.2% fil-popolazzjoni tal-majjal, 30.8% fil-popolazzjoni tal-fniek nisa li jintużaw għat-tgħammir, 35.5% fit-trobbija tat-tjur maħsuba għall-produzzjoni tal-laħam u 7.9% fil-numru ta’ bhejjem. Għall-kuntrarju, iżda, in-numru ta’ nagħaġ, mogħoż u tiġieġ li jbidu żdiedu b’36.3, 31.5 u 12.6% rispettivament.
- Fl-istess perjodu ta’ 10 snin, il-valur tal-produzzjoni tas-settur agrikolu naqas bi 8.8% minn €95.6 miljun għal €87.3 miljun
Tagħrif ieħor
- It-total ta’ azjendi agrikoli f’Malta kien jammonta għal 10,281. Minn dan it-total, 8,199 jew 79.7% kienu jinsabu f’Malta, filwaqt li l-bqija 2,082 jew 20.3% kienu f’Għawdex. L-ogħla numru ta’ azjendi agrikoli kienu fid-distrett tal-Punent, b’total ta’ 2,479 jew 24.1%. Min-naħa l-oħra, l-inqas numru ta’ azjendi agrikoli kienu fid-distrett tat- Tramuntana tal-Port b’total ta’ 750 jew 7.3%.
- Il-kultivazzjoni tal-għalf (ħaxix/silla) għall-bhejjem kienet predominanti fl-użu tal-art agrikola, b’67.5% mit-total. Iż-żona ddedikata għall-kultivazzjoni tal-patata, inkluża l-patata għall-esportazzjoni u għall-konsum lokali kienet tammonta għal 570 ettaru jew 7.3% tat-total.
- 1,090 ettaru oħra (14%) tat-total tal-art agrikola kienet allokata għall-kultivazzjoni ta’ ħaxix bid-distretti tat-Tramuntana, tal-Punent u ta’ Għawdex u Kemmuna jkopru 87.9 % ta’ din iż-żona. Il-ħaxix ewlieni mkabbar kien il-basal niexef b’189 ettaru jew 17.3 %, segwit minn legumi u tadam b’15.0 u 14.4 % rispettivament.
- Il-medda totali għall-ħaxix taħt is-serer kienet tammonta għal 76 ettaru jew 1.0 % tal-art agrikola bl-akbar sehem ikun irreġistrat fid-distrett tat-Tramuntana b’37 ettaru jew 48.7% taż-żona taħt konsiderazzjoni. L-aktar ħaxix imkabbar taħt is-serer kien it-tadam b’24.6 ettaru, segwit minn zucchini, frawli u ħjar b’17.8, 9.3 u 6.6 ettaru rispettivament.
- L-art totali allokata għall-uċuħ tar-raba’ permanenti kienet tammonta għal 952.9 ettaru, li minnhom 456.2 ettaru jew 47.9% ġew meħuda għad-dwieli. Il-siġar tal-frott koprew 228.0 ettaru (23.9%) filwaqt li s-siħar taż-żebbuġ koprew 154.3 ettaru (16.2%) tal-art meħuda minn uċuħ permanenti.
- Fost il-varjetajiet differenti ta’ dwieli li kienu kkultivati, 221.2 ettaru jew 48.5% tat-total instabu li kienu maħsuba għall-produzzjoni ta’ nbejjed DOK, segwiti minn dawk maħsuba għall-produzzjoni tal-inbid ordinarji b’94.3 ettaru jew 20.7%.
- Is-siġar taż-żebbuġ imkabbra għall-produzzjoni taż-żejt jiddominaw fuq dawk maħsuba għall-provvista taż-żebbuġ. Tabilħaqq, 123.1 ettaru ġew ikkultivati għall-produzzjoni taż-żejt, filwaqt li 31.2 ettaru ġew magħżula għaż-żebbuġ tal-mejda.