Ħtieġa urġenti biex titwaqqaf l-emorarġija li l-pajjiż qed ibati minnha
“Jeħtieġ li b’mod immedjat jiskatta pjan biex jindirizza din il-kriżi nazzjonali ħalli jwaqqaf l-emorarġija li l-pajjiż qed ibati minnha”. Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’parti mqanqla minn diskors fi tmiem workshop ta’ jumejn dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol, organizzat mill-UĦM Voice of the Workers u miċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet tal-Ħaddiema (EZA) fil-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru 2019.
Hu qal li kif inhuma l-affarijiet bħalissa, qed ngħixu l-ħin kollu żmien ta’ kriżi. Jemmen li s-saħħa u s-sigurtà tal-pajjiż jinsabu fil-periklu. Huwa diffiċli mmens biex wieħed jesprimi dak li qed jiġri. Hawn kriżi politika, hawn kriżi soċjali u hawn kriżi ekonomika.
Josef Vella jibża’dwar dak li se jiġrilna fil-futur qrib. “Diġà ninsabu milqutin minn din il-kriżi… għandna postijiet tax-xogħol li ma jistgħux jagħmlu transazzjoni kummerċjali; għandna diġà postijiet tax-xogħol li ma jistgħux jixtru, jimpurtaw materja prima minn pajjiżi barranin. Dan għax pajjiżi barranin mhumiex qed jaċċettaw transazzjonijiet minn banek Maltin”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Dan ifisser li l-pajjiż jinsab staġnat. Il-pajjiż jinsab kważi wieqaf. Din hija s-sitwazzjoni preżenti u rridu nkunu sinċieri dwar il-verità kif inhi.
Il-UĦM Voice of the Workers għandha l-unur li hi dejjem kienet fuq in-naħa tas-sewwa tal-kwistjoni kollha. Din il-union kienet ilha tgħid lill-Gvern dwar dawk l-individwi fil-politika li huma nvoluti fl-iskandlu tal-Panama Papers. Il-Gvern għażel li ma jagħmel xejn biex jindirizza din il-kwistjoni. Fl-2016 Josef Vella kien intervistat minn Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li kienet assassinata brutalment. Fl-intervista hu kien qalilha li l-pajjiż “għandu sħab iswed fuqu”. Illum ma jgħidx hekk għax ninsabu f’maltempata qalila, maltempata li ġabitna fi kriżi li tkopri livelli differenti.
Josef Vella qed jittama li fuq livell nazzjonali nżommu ruħna magħqudin u l-affarijiet ma jeskalawx bil-vjolenza. Dan mhux biss kien l-appell tal-UĦM Voice of the Workers imma kien ukoll l-appell li għamel il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) lill-President u kien ukoll l-appell tal-President ta’ Malta fl-indirizz tiegħu lill-poplu Malti fil-jiem li għaddew.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers jinsab diżappuntat ħafna li f’dan iż-żmien ta’ kriżi, il-Gvern ġie bi pjan normali biex jinża mill-poter. Dan il-pjan kien ikun pjan normali f’ċirkostanzi normali fejn Prim Ministru jirriżenja skont ir-rieda tiegħu. Josef Vella saħaq li kien ikun pjan tajjeb kieku naraw lill-Partit Laburista jieħu l-miżuri neċessarji u ma jtawwalx sal-20 ta’ Jannar biex ikollu mexxej u prim ministru ġdid. F’dan ix-xenarju, ma nistgħux nittrattaw kriżi bi pjan normali. Irridu crisis intervention plan għal din is-sitwazzjoni li qed ngħixu bħalissa. S’issa għadna ma wasalniex għaliha.
Aktar ma ntawwlu din il-kriżi, aktar qed nagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż, lill-postijiet tax-xogħol, ħsara lill-ħaddiema u l-familji tagħhom – ħsara lil kulħadd. Malli jiskatta pjan ta’ crisis intervention, trid titlaq strateġija li tħares fit-tul. Strateġija biex tindirizza l-problemi li jeżistu llum – fit-trasparenza, fl-indipendenza tal-istituzzjonijiet u fil-governanza tajba. “Irridu nirriformaw il-pajjiż”, saħaq Josef Vella.
Hu appella lid-delegati barranin waqt dan il-workshop biex meta jirritornaw f’pajjiżhom ma jitkellmux kontra Malta u ma jiddeskrivux lil Malta bħala pajjiż korrott. “Hawn Maltin li huma korrotti u ma jixirqilhomx li jissejħu Maltin. Mhux kull Malti huwa korrott, mhux kull Malti għandu kontijiet sigrieti fil-Panama. Il-maġġoranza tal-Maltin iħallsu t-taxxa qabel ma taslilhom il-paga. Titkellmux dwar Malta u tfissruha bħala stat magħmul mill-kriminali. F’Malta hawn numru żgħir ta’ kriminali imma mhux kulħadd huwa kriminal. Tgħidux lill-Unjoni Ewropea biex tikkastiga lil Malta”, kompla Josef Vella, filwaqt li żied li “dan huwa żmien biex l-Unjoni Ewropea tkompli tgħinna noħorġu minn din il-kriżi; in-nies il-ħżiena jridu jiġu kkastigati u jieħdu dak li ħaqqhom, mhux in-nies ta’ rieda tajba u ġenwini”.
Il-UĦM Voice of the Workers ma kinitx passiva. Kellha diskussjonijiet mal-President ta’ Malta u mal-Kap tal-Oppożiżżjoni; il-UĦM ħarġet tipprotesta, ipparteċipat ukoll fil-protesti u semmgħet leħinha l-ħin kollu. Il-UĦM tinsab impenjata biex tagħmel il-parti tagħha; il-UĦM hija impenjata biex tħallas il-prezz ħalli tirbaħ mill-ġdid il-fiduċja sħiħa tal-Unjoni Ewropea.
Intant, aktar qabel fid-diskors tiegħu, Josef Vella qal li ħafna Maltin mhumiex konxji dwar l-obbligi legali relatati mas-saħħa u s-sigurtà. Uħud minn dawk li jħaddmu ma jwettqux programmi fuq is-saħħa u s-sigurtà għax jikkunsidrawhom bħala eżerċizzju li jiswa l-flus. Madankollu, programmi effettivi dwar dan il-qasam jedukaw lill-ħaddiema dwar il-benefiċċji ta’ imġieba adekwata fil-post tax-xogħol. Għall-UĦM Voice of the Workers, il-qasam tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-post tax-xogħol għandu jkun parti mill-ħajja tagħna. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saħaq li l-union dejjem tassigura li s-Saħħa u s-Sigurtà huwa suġġett li jingħata wkoll prijorità waqt in-negozjati ta’ ftehim kollettivi.
Fl-introduzzjoni ta’ dan il-workshop nhar il-Ħamis 5 ta’ Diċembru, Jesmond Bonello, Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li mill-perspettiva tal-ħaddiema, is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol hi l-unika miżura li tnaqqas ir-riskji, tipproteġi lill-ħaddiema u tevita l-inċidenti. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ miżuri tajbin dwar is-saħħa u s-sigurtà, il-ħaddiema jistgħu jnaqqsu mill-assenteiżmu, mis-sick leave u mill-inċidenti fil-post tax-xogħol.
Id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li l-liġijiet waħedhom ma jistgħux jiggarantixxu ambjent ta’ xogħol ħieles mill-periklu. Jeħtieġ li jkun hemm iżjed infurzar u bidliet fil-kultura kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew.
Jesmond Bonello kompla li l-ħaddiema għandhom jingħataw it-taħriġ kollu neċessarju dwar is-saħħa u s-sigurtà, ikunu mgħarrfa kif jindirizzaw ir-riskji filwaqt li jkunu offruti taħriġ ieħor bħall-Ewwel Għajnuna, fit-tifi tan-nar u fl-evakwazzjoni tal-ħaddiema.
Hu żied li l-UĦM Voice of the Workers, fost oħrajn, tħarreġ lir-rappreżentanti tagħha u tħeġġeġ lill-ħaddiema biex ikollhom rwol attiv bħala rappreżentanti fis-saħħa u s-sigurtà.
Charles Micallef, Manager mal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA), tkellem dwar ir-rwol tal-OHSA u qal li l-Awtorità tesiġi biex tħares lill-ħaddiema mir-riskji. Hu qal li l-postijiet tax-xogħol irid ikollhom proċeduri kemm għar-rappurtaġġ u l-investigazzjoni ta’ inċidenti. L-għan tagħhom hu biex ikun hemm iżjed prevenzjoni mill-inċidenti billi jkunu identifikati u trattati l-kawżi tagħhom.
Clint Cachia, Principal Officer fl-OHSA, qal li risk assessment għandu jittieħed jekk hemm il-potenzjal ta’ periklu f’xi post tax-xogħol. Jekk isir sew, ir-risk assessment jinkoraġġixxi l-komunikazzjoni, il-parteċipazzjoni soċjali u l-involviment tal-ħaddiema. Hu saħaq, fost oħrajn, li jekk wieħed jaħseb li xi inċidenti jistgħu jseħħu, mela allura jkun qed jaċċetta l-fatt li dawn se jibqgħu jseħħu. Min-naħa l-oħra, jekk wieħed jaħdem fuq il-prinċipju li l-inċidenti kollha jistgħu jiġu evitati, mela allura jibda jwaqqafhom u jkun fit-triq għal programm imtejjeb dwar is-sigurtà.
Silvio Farrugia, Senior Manager mal-OHSA, qal li r-risk assessment huwa parti mil-liġi. Ir-riċerka u l-istatistika juru li intrapriżi żgħar u oħrajn micro ma jagħmlux risk assessments fil-postijiet tax-xogħol tagħhom għax jaħsbu li għalihom dawn jiswew il-flus. Hu qal li l-UE trid tassisti lil dawn l-intrapriżi sabiex jaderixxu mal-liġi. Dan jista’ jseħħ billi jkunu pprovduti bl-għodod neċessarji. Is-sħubija ta’ Malta fl-UE għenet biex ikun hawn iżjed kuxjenza dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Minkejja n-nuqqasijiet tagħha, l-OHSA hija l-punt ta’ referenza iżda żied li għadna wisq niddependu fuq il-Gvern f’dan is-settur.
Dragan Donkov, Manager mal-Fondazzjoni Richmond, qal l-iktar problemi komuni ta’ saħħa fil-post tax-xogħol huma l-istress, l-eżawriment, l-ansjetà u d-depressjoni. Hu qal li hawn nuqqas ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali, partikularment fl-iskejjel. Dragan Donkov stqarr li s-saħħa mentali hija l-pedament għall-ħarsien tal-individwu u l-funzjoni effettiva ta’ komunità. Hu saħaq li l-mard mentali huwa piż għall-individwu, għall-familja, għas-soċjetà, għall-kummerċ u għall-pajjiż.
Rotila Viorel, Manager minn Federatia Solidaritatea Sanitara, Eurofedeop, stqarr li t-trejdunjoniżmu jrid jindirizza l-avvanzi fit-teknoloġija u l-informatika u kif dawn jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Veselina Starcheva minn Podkrepa fil-Bulgarija, tkellmet dwar ix-xogħol sostenibbli u kwistjonijiet tal-ġeneru. Hi qalet, fost oħrajn, li d-djalogu soċjali huwa strument importanti għal ambjent ta’ xogħol diċenti.
Olga Vuckovic Kicanovic minn SS Bofos tas-Serbja qalet li l-organizzazzjoni li tirrapreżenta torganizza diversi attivitajiet sabiex tnaqqas l-istress fil-post tax-xogħol. Tali attivaitajiet ma jkunux offruti biss għal organizzazzjonijiet f’art twelidha imma huma wkoll offruti lil għaqdiet u trade unions Ewropej. Ricardo Boto, Direttur minn CFTL mill-Portugall, tratta kwistjonijjet tal-ġeneru fis-saħħa u s-sigurtà. Hu qal li l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandha impatt fuq is-saħħa u s-sigurtà tan-nisa fil-post tax-xogħol.
Magdalena Prangoska minn ZDR fit-Tramuntana tal-Maċedonja, tkellmet dwar is-saħħa u s-sigurtà fl-agrikoltura u qalet li s-settur agrikolu huwa perikoluż. Għaldaqstant ittieħdu għadhom qed jittieħdu inizjattivi, saħansitra legali, biex inċidenti f’dan is-settur ikunu minimizzati jew evitati.
It-tieni sessjoni tal-workshop infetħet minn Aldo Busuttil, rappreżentant ta’ UĦM Voice of the Workers u konsulent dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Hu qal li jekk min iħaddem ma jimxix mal-obbligi ċivili u legali jista’ jiġi mħarrek minn xi ħaddiem jekk iweġġa’ fil-post tax-xogħol. Min iħaddem ukoll irid jagħti struzzjonijiet lill-ħaddiema kif ukoll jimmonitorja lill-impjegati tiegħu permezz ta’ spezzjonijiet u laqgħat. Dan sabiex jimxi mal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mas-Saħħa u s-Sigurtà. Hu żied li rappreżentant dwar is-saħħa u s-sigurtà għandu jingħata widen minn min iħaddem.
Lenka Muzikova mir-Repubblika Ċeka qalet li l-problemi ewlenin f’pajjiżha huma n-negliġenza fost il-ħaddiema u min iħaddem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċeduri fis-saħħa u s-sigurtà. Hi qalet li t-trade unions għandhom rwol f’dan is-settur għax iridu jiddefendu d-dritt tal-ħaddiema biex ikunu jafu x’inhuma r-riskji fil-postijiet tax-xogħol tagħhom. “Jekk irridu ntejbu s-saħħa u s-sigurtà, il-ħaddiema u l-poplu ġenerali jridu jkunu edukati dwar ir-riskji li hemm madwarhom.” Hi qalet li 43 fil-mija tal-inċidenti fir-Repubblika Ċeka jsiru fis-settur tal-manifattura.
Mariana Lemos Martins, minn Fidestra tal-Portugall tkellmet dwar l-għajnuna psikoloġika li tingħata f’pajjiżha lil min ikun involut f’inċidenti jew minn problemi mentali fil-post tax-xogħol. Hi qalet li fil-Portugal għadhom jirrenjaw il-preġudizzji fejn jidħlu kwistjonijiet marbutin mas-saħħa mentali. Hi saħqet dwar il-bżonn li jingħata taħriġ lill-ħaddiema biex dawn itejbu l-għarfien tagħhom ħalli jevitaw inkwiet bla bżonn.
Aneta Chelminiak mill-organizzazzjoni Solidarnosc fil-Polonja qalet li t-trade unions għandhom funzjoni soċjali biex jassistu fil-ħatra ta’ spetturi dwar ix-xogħol. Hi tkellmet dwar l-ispezzjonijiet u l-awditjar li jsiru fil-postijiet tax-xogħol. Solidarnosc tikkoopera ma’ diversi entitajiet fil-Polonja sabiex il-proċeduri dwar is-saħħa u s-sigurtà jkunu adekwati u f’posthom.
Il-workshop intemm b’eżerċizzju dwar kif wieħed jikkomunika aħjar dwar is-saħħa u s-sigurtà. L-eżerċizzju tmexxa minn Daniele Fantechi, konsulent ta’ UĦM Voice of the Workers.