Pajjiżna jinsab wieqaf.  Mhu sejjer imkien. Għal dan ir-rebus li għaddejjin minnu, se nħallsu għalih aħna.  Se jħallsu għalih il-postijiet tax-xogħol, il-ħaddiema u l-poplu Malti b’mod ġenerali. Ma’ kull ġurnata li tgħaddi, se tibqa’ issir il-ħsara u ħsara rreparabbli lill-pajjiż u lil kulħadd. 

Ir-reputazzjoni ta’ Malta tinsab imbiċċra bl-instabbiltà li għaddejja minnha. Dan il-pajjiż gawda minn reputazzjoni tajba ħafna għal 25 sena sħaħ u gawda xi ftit taħt dan il-Gvern preżenti. Iżda l-affarijiet li għamel sew dan il-Gvern sarulu rmied minħabba dan il-ħmieġ kollu 

Il-governanza li mexa biha dan il-Gvern hija mċappsa bil-korruzzjoni u, l-istejjer xokkanti li qed joħorġu b’rata mgħaġġla b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, tassew żiedu d-doża lill-kriżi nazzjonali li qed ngħixu bħalissa. 

Dan il-pajjiż ma jaffordjax jistenna sat-12 ta’ Jannar biex forsi jara xi forma ta’ normalità. Il-Partit Laburista jrid jaġixxi qabel dik id-data u jaħtar mexxej u prim ministru ġdid b’mod immedjat. F’kull ġurnata li Joseph Muscat jibqa’ Prim Ministru, ma tistax issir investigazzjoni reali dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia biex naraw sewwasew l-involviment tan-nies qrib tiegħu; biex naraw x’kien jaf dwar l-involviment ta’ Keith Schembri f’dan il-qtil brutali. Voice of the Workers jappella lill-investigaturi biex ma jibżgħux, ma jaqtgħux qalbhom u jibqgħu jidħlu fil-fond tal-każ sakemm tinstab u toħroġ il-verità kollha.  

Min huwa ta’ rieda tajba jinsab imħasseb u inkwetat b’din il-kriżi li tista’ taffettwa l-andament tal-ekonomija, taffettwa l-impjiegi kif ukoll taffettwa l-politika barranija ta’ Malta. Fuq kollox din il-kriżi tista’ tħalli riperkussjonijiet kbar jekk ma nindirizzawhiex malajr – u riperkussjonijiet għal kulħadd – Nazzjonalisti u Laburisti.  

Diġà  rajna jew smajna b’uħud mill-ġurnali Ewropej u oħrajn internazzjonali bit-tixrid tat-titli tagħhom dwar Malta li jġiegħluna nistħu. Lokalment, diversi assoċjazzjonijiet partikularment mill-qasam finanzjarju kienu voċiferi fl-istqarrijiet tagħhom u saħqu li kawża tal-aġir irresponsabbli u llegali li bih mexa dan il-Gvern, fejn ir-reputazzjoni tkissret, Joseph Muscat għandu jirriżenja immedjetament. Dan ukoll qed jgħiduh xi esponenti fil-Partit Laburista, fosthom l-eks  Ewro Parlamentari Laburista Marlene Mizzi, li ma jifilħux jaraw din is-saga titwal iżjed. Malta mhix mafjuża. Huma biss ftit kriminali li qed iħammrulna wiċċna bl-għemejjel skandalużi u terribbli tagħhom. 

Ir-riżenja tal-Prim Ministru ma tkunx biżżejjed. Kulmin kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, mill-perċimes sal-inqas wieħed, irid jidher quddiem il-ġustizzja u jħallas ta’ għemilu. Ħadd mhu ‘l fuq mill-ġustizzja. 

Fil-frattemp, Voice of the Workers jappella għall-kawtela, għall-kalma u fuq kollox  għal vuċi waħda u magħquda b’risq il-ħaqq sabiex dan il-pajjiż inġibuh lura għan-normalità li jixraqlu malajr kemm jista’ jkun. 

Dan l-editorjal intbagħat għall-pubblikazzjoni t-Tnejn 9 ta’ Diċembru 2019