Waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament, li saret nhar it-Tnejn 12 ta’ Novembru, ġie enfasizzat il-bżonn li tkun introdotta l-immunita’ jew il-protezzjoni mill-konsegwenzi wara li tkun ingħatat l-Ewwel Għajnuna. 

Il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali ddiskuta l-Abbozz ta’ Liġi tas-Samaritan it-Tajjeb, abbozz xprunat mill-Oppożizzjoni sabiex min jgħin lill-proxxmu f’każ ta’ xi inċident ikun protett kontra prosekuzzjoni ċivili jew kriminali.  

L-objettiv prinċipali  tal-leġislazzjoni hu li biex jitneħħa kull deterrent possibbli għal persuna biex tgħin lil ħaddieħor li jkun f’periklu attwali jew imminenti. 

Fi preżentazzjoni li għamel lill-Kumitat u quddiem rappreżentanti tat-trade unions, id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech fisser li l-kunċett tas-Samaritan it-Tajjeb hu bbażat fuq tliet komponenti saljenti. L-ewwel, id-dmir tal-kura jew is-salvataġġ fejn tkun offiża kriminali għal  persuna li tfalli milli tgħin lil xi ħadd li teħtieġ salvataġġ; it-tieni, il-protezzjoni ta’ min jassisti fis-salvataġġ kemm danni ċivili u minn responsabbilta’ kriminali, għal kull konsegwenza li tinqala’ mill-att tas-salavataġġ innifsu; it-tielet, kumpens lil min jgħin fis-salvataġġ għal danni li jġarrab biex jgħin lil xi ħadd fil-bżonn. 

Il-UĦM Voice of the Workers attendiet din il-laqgħa u kienet rappreżentata minn Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager, u minn Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager. Mario Sacco jaqbel ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi u stqarr li l-għajnuna għandha tingħata fejn hu possibbli.  Madankollu, hu talab biex ikun hemm tifsira aħjar ta’ x’jikkostitwixxi t-terminu gross negligenceHu żied li għandu jkun hemm iżjed għarfien u kjarifiki dwar xi jfisser periklu imminenti u attwali lill-ħajja tal-persuna. Min-naħa tagħha, Isabelle Farrugia saħqet dwar it-taħriġ u l-għarfien fl-Ewwel Għajnuna filwaqt li ssuġġeriet li l-Ewwel Għajnuna u l-ħiliet fit-tifi tan-nar għandhom ikunu parti mill-edukazzjoni tat-tfal fl-iskejjel. 

Intant, id-Deputat Nazzjonalista, li hu l-moħħ wara dan l-Abbozz ta’ Liġi, tkellem dwar is-sitwazzjoni f’Malta u qal li ma jeżisti ebda dmir ta’ kura biex wieħed jassisti persuni fis-salvataġġ. L-espożizzjoni għas-salvataġġ tista’ isservi bħala deterrent għall-għoti tas-salvataġġ, anki għal dawk imħarrġa u kwalifikati biex jipprovdu l-għajnuna. Għalhekk hemm vantaġġi kbar mill-introduzzjoni ta’ din il-leġislazzjoni li qed tkun proposta. 

Mil-laqgħa ħareġ li l-assigurazzjoni għall-professjonisti fis-saħħa tkopri biss lil persuni assigurati waqt il-lant tax-xogħol. M’hemm ebda polza ta’  assigurazzjoni għal uffiċjali pubbliċi oħrajn.  

Id-Deputat  Nazzjonalista rrefera għall-membri fil-korpi dixxiplinati u dwar kemm minnhom huma mħarrġa fl-Ewwel Għajnuna. Hu qal li l-Pulizija jingħataw taħriġ matul ir-reklutaġġ kif ukoll tul is-servizz tagħhom fil-Korp. Membri fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili joqogħdu għal diversi programmi ta’ taħriġ u jkunu ċċertifikati. Fil-Forzi Armati ta’ Malta hemm 737 membru minn 1,700 li huma ċċertifikati filwaqt li hemm 116-il uffiċjal minn 270 tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin li huma kwalifikati L-istatistika żżid 100 first-aider iċċertifikat li jaħdmu mal-Gozo Channel 

Id-Deputat Nazzjonalista żied li d-defibrillators huma disponibbli fil-maġġoranza tal-iskejjel u numru limitat ta’ defibrillators jinsabu fl-għases tal-pulizija.