Għal  numru ta’ snin, l-Ewropa ilha tħabbat wiċċha mal-isfida ewlenija li hija l-fenomenu fil-miġja tal-populiżmu nazzjonali. Il-partiti populisti gawdew minn riżultati elettorali rekord fl-Italja, fl-Isvezja u fl-Awstrija fir-reġjun Ewropew. 

Il-partiti radikali tax-Xellug u l-Ħodor ukoll qed jagħmlu kisbiet f’ċertu pajjiżi, imma mhux qed iħallu impatt daqs kemm qed jagħmel il-lemin estrem. Dan reġa’ feġġ f’demokraziji li dejjem kienu reżistenti għal din il-forza politika. 

Fid-Disgħinijiet kien hemm diċerija li erba’ demokraziji Ewropej qatt ma kienu se jaqgħu. Dawn kienu l-Isvezja u l-Olanda, għax kienu storikament liberali, ir-Renju Unit minħabba l-istituzzjonijiet politiċi b’saħħithom u l-kultura ċivika tagħha, u l-Ġermanja, minħabba l-istigma li ħallew l-avvenimenti tat-Tieni Gwerra Dinjija. 

Imma jekk inpoġġu l-arloġġ 20 sena ‘l  quddiem naraw li kull wieħed minn dawn il-pajjiżi issa esperjenza ribelljoni populista kbira. Pim Fortuyn u wara Geert Wilders fl-Olanda; id-Demokratiċi Svediżi li dan l-aħħar laħqu rekord ġdid fis-sehem tal-votazzjoni; kif ukoll Alternative für Deutschland, li għandu aktar minn 90 siġġu fil-Bundestag u siġġijiet fi 15 minn 16-il parlament ta’ stati Ġermaniżi. U fir-Renju Unit, Nigel Farage irnexxielu jwassal lill-pajjiż għal referendum dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE fejn il-maġġoranza taċ-ċittadini vvotat favur il-Brexit. 

X’qed jiġri verament? Il-populiżmu nazzjonali qed idur madwar erba’ bidliet soċjali li għandhom għeruq fil-fond.  

L-ewwel, hemm livelli għoljin ta’ nuqqas ta’ fiduċja politika, li qed ikunu aggravati mill-mexxejja populisti li qed jagħtu stampa tagħhom infushom u tas-segwaċi tagħhom bħala vittmi ta’ sistema  politika li saret inqas rappreżentattiva ta’ gruppi ewlenin.  

It-tieni, ħafna  nies għandhom tħassib  u biżgħat kbar dwar il-qerda ta’ kulturi nazzjonali, modi tal-ħajja u l-valuri, fost il-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni u l-bidla etnika.  

Jakkumpanjaw din l-isfiduċja u l-biża’ hemm l-ansjetajiet relatati mad-deprivazzjoni u n-nuqqas ta’ xogħol u dħul finanzjarju, flimkien ma’ sens qawwi li l-populisti u l-grupp soċjali u etniku tagħhom qed jitħallew lura a skapitu ta’ oħrajn fis-soċjeta’. 

Finalment, diversi sistemi politiċi fil-Punent qed ikollhom jitħabtu ma’ era ġdida, fejn ir-rabtiet bejn il-votanti u l-partiti tradizzjonali qed jinħallu. Konsegwentament, it-triq għal sfidanti politiċi ġodda hi ferm aktar miftuħa. 

Meta tosserva mill-qrib lejn dawn l-erba’ kurrenti, jidher ċar li m’hemm xejn temporanju dwar il-populiżmu nazzjonali. Dawk li qed jixxenqu għal politika ġdida li tkun ċentrista u liberali se jkunu diżappuntati. Anzi x’aktarx li se nkunu qed ngħixu fi żmien ta’ bidliet kbar fis-snin li ġejjin.